Il-ħrafa tal-kaċċaturi

 

bird votingTorca.011215

 

F’dawn l-ewwel ħmistax tal-kampanja dwar ir-Referendum tal-11 t’April biex tispiċċa l-kaċċa fir-Rebbiegħa spikkat il-ħrafa dwar dik li qed tissejjaħ “theddida” għal delizzji oħra.

Fir-referendum abrogattiv tal-11 t’April ser inkunu mitlubin jekk naqblux mar-regolamenti li jippermettu l-kaċċa fir-Rebbiegħa. IVA tfisser li taqbel, u LE tfisser li ma taqbilx. Jekk jirbaħ l-IVA nibqgħu bil-kaċċa fir-Rebbiegħa, jekk jirbaħ il-LE, il-kaċċa fir-Rebbiegħa tispiċċa.  Dan iseħħ minħabba li rebħa għal-LE tkun tfisser li r-regolamenti li jippermettu l-kaċċa fir-Rebbiegħa jispiċċaw. Ir-regolamenti l-oħra kollha dwar il-kaċċa jibqgħu hemm. L-effett tar-referendum abrogattiv ikun biss fuq il-kaċċa fir-rebbiegħa li ma tkunx tista’ terġa’ tiftaħ b’effett immedjat.

L-għaqdiet tal-kaċċaturi qed jgħidu li wara dan ir-referendum ser ikun imiss delizzji oħra. Din hi ħrafa kbira.

Ħafna mid-delizzji huma regolati b’regolamenti/liġijiet li jispjegaw min għandu l-awtorità li joħroġ permessi jew liċenzji dwar kif dak id-delizzju tista’ tipprattikah. Referendum abrogattiv hu proposta eżatta biex titħassar liġi jew regolamenti jew parti minnhom. Jekk referendum abrogattiv jgħaddi hi biss il-liġi jew regolamenti li jkunu imsemmija fil-mistoqsija li fuqha jivvutaw in-nies li ma tibqax fis-seħħ.

Ħa nagħti żewġ eżempji.

Il-logħob tan-nar, il-manifattura u l-ħażna tiegħu, huma regolati mill-Ordinanza dwar l-Esplożivi u mir-Regolamenti dwar Kontroll ta’ Xogħolijiet tan-Nar u Esplożivi Oħra.

Kemm l-Ordinanza (artiklu 3) kif ukoll ir-regolamenti (regolament 4) jipprovdu li ħadd ma jista’ jipproduċi logħob tan-nar jew jaħraq xogħol tan-nar jekk ma jkollux liċenzja li joħroġ il-Kummissarju tal-Pulizija. Ir-regolamenti jipprovdu ukoll għat-taħriġ neċessarju qabel ma tista’ tagħmel eżami biex il-Kummissarju tal-Pulizija jiddeċiedi jekk għandux joħroġ liċenzja. Hemm ukoll il-ħtieġa ta’ liċenzja għal kamra fejn jinħadem in-nar.

Referendum abrogattiv dwar il-logħob tan-nar jista’ jsir biss biex jitneħħew dawn l-artikli fil-liġi (l-Ordinanza) u fir-regolamenti. Il-konsegwenza jekk referendum bħal dan jgħaddi tkun li ħadd ma jkollu bżonn liċenzja, u allura kulħadd ikun jista’ jagħmel li jrid. Nafu li l-iskop tar-regolamenti u l-liġijiet dwar il-logħob tan-nar qegħdin hemm biex jgħinu fil-protezzjoni tal-ħajja u s-saħħa, in partikolari  ta’ dawk li jaħdmu il-logħob tan-nar.

L-istess jgħodd għaż-żwiemel.

Il-Kodiċi tal-Liġijiet tal-Pulizija jistabilixxi li ħadd ma jista’ jżomm żiemel sakemm ma jkollux liċenzja. L-Ordinanza dwar Imħatri f’tiġrijiet tittratta il-post fejn isiru it-tiġrijiet (racecourses). Tipprovdi li l-Ministru tal-Pulizija jista’ jagħti (jew jirtira) liċenzji.

Referendum abrogattiv dwar iż-żwiemel ikun jista’ jsir biss biex jitneħħew dawn l-artikli fil-liġi. Il-konsegwenza jekk referendum abrogattiv bħal dan jgħaddi tkun li ħadd ma jkollu bżonn liċenzja, u allura kulħadd ikun jista’ jagħmel li jrid.

Il-parti l-kbira tad-delizzji l-oħra huma fl-istess sitwazzjoni.

Fi ftit kliem ma jistgħux jinġabru l-firem biex nivvutaw favur jew kontra xi delizzju partikolari. L-anqas kontra l-kaċċa m’hu permess li jsir dan għax il-firem li inġabru huma biss dwar id-deroga għall-kaċċa fir-rebbiegħa.

Hemm imbagħad delizzji li dwarhom m’hemm l-ebda regola jew liġi u fil-fatt dwar dawn ħadd ma jitlob permess jew liċenzja biex jipprattikhom. Dwar kull delizzju li m’hemmx ligi/regolamenti, ma jista’ jsir l-ebda referendum abrogattiv.

Hi għalhekk ħrafa li jingħad illi jista’ jsir xi referendum biex jinqata’ xi delizzju. Min qed jgħidilkom mod ieħor qed jgħaddikom biż-żmien.

L-argumenti dwar ir-referendum ma jintrebħux bil-ħrejjef, iżda bil-fatti.

 

ippubblikat fit-Torċa, l-Ħadd 1 ta’ Frar 2015

 

 

Iż-Żwiemel u r-Referendum Abrogattiv

horse 11

 

Il-Kodiċi tal-Liġijiet tal-Pulizija – Kapitlu 10 tal-Liġijiet ta’ Malta – jistabilixxi li ħadd ma jista’ jżomm żiemel sakemm ma jkollux liċenzja.

L-Ordinanza dwar Imħatri f’tiġrijiet [kapitlu 78 tal-liġijiet ta’ Malta] tittratta il-post fejn isiru it-tiġrijiet (racecourses). Tipprovdi li l-Ministru jista’ jagħti (jew jirtira) liċenzji.

Li kieku kellu jsir referendum abrogattiv dwar iż-żwiemel dan ikun jista’ jsir biss biex jitneħħew dawn l-artikli fil-liġi. Il-konsegwenza jekk referendum abrogattiv bħal dan jgħaddi tkun li ħadd ma jkollu bżonn liċenzja, u allura kulħadd ikun jista’ jagħmel li jrid.

Referendum abrogattiv dwar iż-żwiemel jista’ biss ineħħi l-liġijiet li hemm u l-konsegwenza tkun mhux li jispiċċa d-delizzju, imma li ħadd ma jkollu bżonn permess jew liċenzja.

Lino Farrugia tal-FKNK din ma qalilkomx. Staqsuh għaliex qed jgħaddikom biż-żmien.

 

Il-logħob tan-nar, ż-żwiemel u r-referendum

Malta fireworks

F’kull votazzjoni li jkun hawn fil-pajjiż ikun hawn min jipprova jqarraq billi jxerred informazzjoni falza. Jiġifieri jxerred il-gideb.

Bil-liġi li għandna f’Malta ma jistax jinġabru firem biex isir referendum ħalli jispiċċa l-logħob tan-nar. L-anqas ma jistgħu jinġabru l-firem biex jitneħħew iż-żwiemel mit-toroq.  Għax ir-referendum abrogattiv ifisser votazzjoni li biha nivvutaw favur jew kontra li nneħħu liġi jew regolamenti.

Issa jekk nivvutaw kontra regolamenti dwar il-logħob tan-nar ikun ifisser li nispiċċaw bla regolamenti u allura l-Gvern ma jkollux poter fuq il-kmamar tal-logħob tan-nar. L-istess jgħodd għaż-żwiemel: referendum dwar iż-żwiemel ma jistax ineħħihom mit-toroq. Jista’ biss ineħħi regolamenti dwar iż-żwiemel. U bla regolamenti l-Gvern ikollu inqas poteri fuq iż-żwiemel.

Fi ftit biss huwa biss il-Parlament li jista’ jnaqqas jew ineħħi ż-żwiemel mit-toroq u fil-fatt il-Ministeru tat-Trasport f’dawn il-ġranet sejjaħ numru ta’ laqgħat propju għalhekk, biex jirregola aħjar u jnaqqas iż-żwiemel fit-toroq.

L-istess dwar il-logħob tan-nar. Huwa biss il-Gvern li għandu is-setgħa li jnaqqas jew jirregola iktar il-logħob tan-nar. Kull tant żmien jagħmel hekk biex itejjeb ir-regolamenti dwar kif iħares is-saħħa u l-ħajja ta’ dawk kollha li għandhom x’jaqsmu mal-logħob tan-nar.

Jiġifieri l-ebda referendum ma jista’ iwaqqaf il-logħob tan-nar jew ineħħi ż-żwiemel mit-toroq.

Fir-referendum tal-11 t’April fil-fatt ser nivvutaw dwar ir-regolamenti li bihom il-Gvern qed jagħti permess biex issir il-kaċċa fir-rebbiegħa għall-gamiem u s-summien.  Jekk nivvutaw LE ir-regolamenti jispiċċaw u l-Gvern ma jkunx jista’ iktar jippermetti kaċċa għall-gamiem u s-summien fir-rebbiegħa.