
Qrajt l-istqarrija oriġinali li l-uffiċjali tal-FKNK qraw waqt il-konferenza stampa li kellhom il-bieraħ. Hemm differenza sostanzjali bejn dak li qalu huma u dak li irrappurtaw il-media.
Il-media kienet prudenti u ħalliet barra l-attakki vojta u bla sens li l-FKNK għamlet kontra l-Birdlife, il-Fondazzjoni Gaia, Arnold Cassola Chairman ta’ Alternattiva Demokratika u David Camilleri Tal-Bediq kandidat Għawdxi ta’ Alternattiva Demorkatika.
Lill-uffiċjali tal-FKNK Lino Farrugia u Joe Perici Calascione m’għandi xejn xi ngħid kontra tagħhom personalment. Ilni snin twal nafhom it-tnejn li huma. Il-kritika tiegħi hi kontra l-idejat li qed imexxu l-quddiem. Għandhom kull dritt imexxu l-quddiem l-ideat u l-ideali tal-membri tal-FKNK. Naf li m’għandhomx bżonn lili biex jgħidilhom dan. Huwa dritt li jiena nirrispetta anke jekk diversi drabi, fil-fehma tiegħi, jesaġeraw kemm f’dak li jgħidu kif ukoll fil-mod kif jgħiduħ.
L-FKNK allura, issa bdiet ħidma fuq l-inizzjattiva tagħha. Triq li l-liġi dwar ir-referendum tkun emendata b’mod li jkunu rispettati dak li huma qed isejħu d-drittijiet tal-minoranzi. Issa l-liġi dwar ir-referendum diġa tipproteġi dawn id-drittijiet. Fil-fatt id-drittijiet bażiċi tal-bniedem fil-Kostituzzjoni kif ukoll fil-Liġi dwar il-Konvenzjoni Ewropeja dwar id-Drittijiet tal-Bniedem ma jistgħu jintmissu minn l-ebda referendum. Dwar il-minoranzi, kontra dak li qed jgħidu tal-FKNK, jeżistu konvenzjonijiet u trattati li jiddefinuhom. Fosthom fil-Ġnus Magħquda. Fil-qasam tal-ħarsien tad-drittijiet tal-minoranzi normalment nifhmu minoranzi reliġjużi, minoranzi kulturali jew assoċjati ma’ lingwa minoritarja kif ukoll minoranzi etniċi. Hemm ukoll obbligi li jirriżultaw minn liġijiet lokali u trattati internazzjonali li permezz tagħhom hi imħarsa d-diversita’ : dik dwar orjentazzjoni sesswali, kulur tal-ġilda jew razza.
Il-kaċċa fir-rebbiegħa ma taqa’ taħt l-ebda waħda minn dawn il-kategoriji.
Il-proposta tal-FKNK li biha qed jitolbu lill-Parlament jibdel il-Liġi tar-Referendum biex referendum kontra l-kaċċa fir-rebbiegħa ma jkunx jista’ jsir jirrifletti l-egħruq fondi tal-valuri demokratiċi li jħaddnu l-istess FKNK. Jidher ċar li qabżitilhom iċ-ċinga. Għax tilfu kull tama li jikkonvinċu jridu jattakkaw il-proċess demokratiku tar-referendum.