Il-qerda tal-għasafar protetti tkompli

160915_BirdLife staff with 3 shot birds

 

Nhar l-Erbgħa il-BirdLife Malta ġabret tliet għasafar protetti midruba – Russett Aħmar (Purple Heron), Bagħdan Aħmar (Marsh Harrier) u Gamiema tal-Kullar (Collared Dove). It-tliet għasafar kienu rraportati minn membri tal-pubbliku u kkonfermati minn veterinarju li soffrew feriti kaġun ta’ tiri ta’ senter.

Ir-Russett Aħmar li instab fl-inħawi ta’ Mġarr ix-Xini f’Għawdex, kellu ksur fil-ġewnaħ tax-xellug u kellu jitraqqad kawża tal-feriti li ġarrab.

Bagħdan Aħmar inġabar minn Birzebbuga b’ferita fil-ġewnah tal-lemin. Ritratt bl-X-ray ikkonferma li l-għasfur kellu ferita qadima fil-ġewnaħ tax-xellug li kienet fieqet, madankollu ġarrab ferita friska minn tir ta’ senter li kkawza ksur fil-ġewnaħ tal-lemin u ħalla diversi ċomb f’ġisem l-għasfur. Il-Bagħdan ġie mgħoddi lill-puluzija tal-ALE.

Kemm il-Bagħdan Aħmar, kif ukoll ir-Russett Aħmar huma żewġ speċi fost li jaqgħu taħt Anness 1 tad-Direttiva tal-Għasafar u li għandom l-ogħla forma ta’ ħarsien.

Gamiema tal-Kullar, tajra oħra protetta, instabet fil-Madliena b’ ferita fil-ġewnaħ tax-xellug ukoll kaġun ta’ tir ta’ senter. L-għasfur qiegħed jingħata l-kura meħtiega.

 

Dawn l-inċidenti jġibu għal 4 t-total ta’ għasafar midruba kawża ta’ kaċċa llegali li l-BirdLife Malta ġiet mgħodija minn membri tal-pubbliku. Il-BirdLife Malta tisħaq li dawn l-inċidenti huma indikazzjoni tal-ammont ta’ kaċċa llegali li qed isseħħ f’dawn iż-żminijiet b’diversi tajr protett ieħor maqtul li ma jiġix irrapportat. Il-BirdLife tixtieq tfakkar lil membri tal-pubbliku biex jirraportaw kaċċa llegali lill-pulizija fuq 119 jew lill-għaqda fuq 21347644.

(test meħud minn stqarrija ta’ Birdlife Malta li ħarġet il-bieraħ)

Uħud mill-kaċċaturi ma jridux jitgħallmu

2015.09.14_Honey Buzzard_Injured_Shot

Bdejna bl-ewwel inċidenti tal-istaġun tal-kaċċa fil-ħarifa.

Nhar it-Tnejn 14 ta’ Settembru kellna l-ewwel rapport ta’ sparer fuq kuċċard (honey buzzard) bil-qtil u l-feriment ta’bosta għasafar.

Sadanittant illum fil-Qorti kaċċatur mis-Sannat ta’ 21 sena instab ħati li fi Frar li għadda kellu fil-pussess tiegħu żewġ għasafar protetti. Il-Maġistrat waħħlu multa ta’ €8,000 u ħadlu l-liċenzja tal-kaċċa għal dejjem.

Uħud forsi jqiesu din sentenza iebsa (għax il-Qorti ħaditlu l-liċenzja tal-kaċċa għal dejjem). Naħseb li mhux iebsa biżżejjed.

Il-qtil tat-tajr protett hi materja serja ħafna għax dan it-tajr hu fil-periklu li jinqered. U meta jkun inqered, ma jiġix lura. Hemm bżonn li dawk il-ftit kaċċaturi li ma jrid jitgħallmu b’xejn u ser jibqgħu jisparaw bl-addoċċ iduqu ukoll ftit ħabs.

L-ispanjulett u ċ-ċajta tas-sena

Waqt li l-Ministeru tal-Kaċċa, Nsib u ħwejjeġ oħra, ħabbar id-dati tal-istaġun tal-kaċċa fil-ħarifa, n-natura ħabbret li tlett spanjuletti  faqqsu u issa telqu mill-bejta tagħhom f’Għawdex. L-ewwel darba ghal bosta snin.

Sadanittant tħabbret ukoll iċ-ċajta tas-sena: l-għaqdiet tal-kaċċaturi mhux ser jittolleraw illegalitajiet fl-istaġun tal-kaċċa li jibda illum l-1 ta’ Settembru!

kestrel-injured

 

 

 

Bit-tromba flok bis-senter

birds through binoculars

 

Il-bieraħ il-Pulizija tellgħu il-Qorti 10 persuni, deskritti bhala kaċċaturi, in konnessjoni mad-dimostrazzjoni fil-Belt kontra s-sospensjoni tal-istaġun tal-kaċċa fil-ħarifa, kif ukoll dwar l-inċidenti vjolenti fil-Buskett. (Nota: s’issa għadu ma ttella’ ħadd il-Qorti fuq l-inċidenti tal-Buskett. Dawk imtella’ l-Qorti s’issa huma dawk li kienu involuti fl-inċidenti l-Belt. Il-Pulizija għadha qed tinvestiga.)

L-akkużi jinkludu li attakkaw kif ukoll li weġġgħu ġurnalista u żewġ fotografi.

Naħseb li ħadd minn dawk li jinstabu ħatja m’għandu jintbagħat l-ħabs. L-aħjar sentenza tkun waħda ta’ servizz fil-komunita, 100 siegħa kull wieħed bit-tromba jħarsu lejn għasafar ta’ kull xorta. Birdwatching taħt superviżjoni.

Fiċ-ċirkustanzi naħseb li dik tkun l-iktar sentenza ġusta: bit-tromba flok bis-senter. Bla dubju n-natura tista’ tkunilhom ta’ għajnuna kbira biex jikkalmaw ftit kif ukoll biex ikollhom ftit ċans japprezzaw dak li qed jikkampanjaw biex joqtlu.

Il-kaċċaturi jikxfu l-maskra

 

estevan mallia + Kastiljaglenn briffa sfida

(kummenti fuq MaltaToday online)

 

Xi kaċċaturi l-bieraħ kmieni wara nofsinnhar organizzaw dimostrazzjoni l-Belt u wara baqgħu sejrin sal-Buskett.

L-insulti ma naqsux. Fil-Buskett , għall-ħabta tal-5.00pm madwar 30 kaċċatur wara li telqu mill-protesta li kellhom il-Belt, attakkaw ukoll in-nies.

Fuq is-sit tal-Malta Today online ma naqsux il-kummenti li jħeġġu iktar vjolenza.

 

Huwa forsi l-mument addattat biex kull min fil-passat kien jagħti l-appoġġ lill-kaċċa u lill-kaċċaturi jaħsibha sewwa dwar dak li fil-fatt qiegħed jappoġġa. L-inċidenti tal-bieraħ kienu serji. Setgħu weġġgħu serjament in-nies.

Tajjeb li niftakru li dan mhux l-ewwel inċident. Kien hemm fil-passat inċidenti vjolenti oħra li kienu jinvolvu lil dawk il-kaċċaturi li malajr tisħnilhom rashom.

Fil-ġimgħat li ġejjin tibda l-kampanja tar-referendum biex tispiċċa l-kaċċa fir-rebbiegħa.

B’dak li għamlu l-bieraħ, il-kaċċaturi ta’ rashom sħuna, bdew il-kampanja referendarja fuq togħma morra. Il-kampanja referendarja għandha tkun waħda paċifika bbażata fuq ir-raġuni. Sfortunatament, iżda, dejjem jidher iżjed ċar li ma tantx hemm ma min tista’ tirraġuna.

Bid-deċiżjoni tal-Gvern fi tmiem il-ġimgħa li jwaqqaf temporanjament l-istaġun tal-kaċċa tal-ħarifa ngħata messaġġ li wara kollox l-irkatt bil-vot mhux dejjem għandu effett. Jista’ jkun li fl-aħħar il-Partit Laburista ukoll beda jiftaħ għajnejħ li l-appoġġ li kien qiegħed jagħti lill-kaċċaturi kien wieħed żbaljat.

Kuraġġ hemm spazju għal kulħadd fil-Koalizzjoni kontra l-Kaċċa fir-Rebbiegħa.

Joseph Muscat u l-Kaċċa: dak li tiżra’ taħsad

storks in Malta 2014

L-inċidenti dejjem iktar spissi ta’ qtil ta’ għasafar protetti huma l-konsegwenza loġika tal-messaġġi ta’ Joseph Muscat lil kaċċaturi.

Il-messaġġ li Muscat u l-Partit Laburista dejjem taw lill-kaċċaturi kien wieħed ċar u sempliċi ħafna biex jinftiehem : il-Partit Laburista jipproteġi l-kaċċa w il-kaċċaturi. Bħala riżultat ta’ dan il-messaġġ uħud mill-kaċċaturi fehmu li issa għandhom id-dritt li jagħmlu li jridu. Avolja mhux kollha jaħsbu hekk, dik hi l-attitudni ġenerali.

Il-konsegwenzi ta’ dan kollu huma dawk li naraw madwarna kontinwament. Abbużi. Wieħed wara l-ieħor.

L-egħluq temporanju tal-istaġun tal-kaċċa fil-ħarifa mit-3.00pm tal-lum s-Sibt 20 ta’ Settembru sal-11 t’ Ottubru 2014 hu pass tajjeb. Imma hu pass li Muscat qed jieħdu tard ħafna, għax min laħaq rabba’ l-arja issa bil-mod biex ineħħiha. Għal dan jaħti biss Joseph Muscat.

M’għandix dubju li matul il-ġranet li ġejjin ser nisimgħu iktar rapporti dwar inċidenti diversi. Il-Gvern kellu jiċċaqlaq għax l-opinjoni pubblika qed tirreaġixxi għall-abbużi li hawn madwarna. Dan hu pass tajjeb. Forsi Joseph Muscat xi darba jiġi f’sensieh.