(kummenti fuq MaltaToday online)
Xi kaċċaturi l-bieraħ kmieni wara nofsinnhar organizzaw dimostrazzjoni l-Belt u wara baqgħu sejrin sal-Buskett.
L-insulti ma naqsux. Fil-Buskett , għall-ħabta tal-5.00pm madwar 30 kaċċatur wara li telqu mill-protesta li kellhom il-Belt, attakkaw ukoll in-nies.
Fuq is-sit tal-Malta Today online ma naqsux il-kummenti li jħeġġu iktar vjolenza.
Huwa forsi l-mument addattat biex kull min fil-passat kien jagħti l-appoġġ lill-kaċċa u lill-kaċċaturi jaħsibha sewwa dwar dak li fil-fatt qiegħed jappoġġa. L-inċidenti tal-bieraħ kienu serji. Setgħu weġġgħu serjament in-nies.
Tajjeb li niftakru li dan mhux l-ewwel inċident. Kien hemm fil-passat inċidenti vjolenti oħra li kienu jinvolvu lil dawk il-kaċċaturi li malajr tisħnilhom rashom.
Fil-ġimgħat li ġejjin tibda l-kampanja tar-referendum biex tispiċċa l-kaċċa fir-rebbiegħa.
B’dak li għamlu l-bieraħ, il-kaċċaturi ta’ rashom sħuna, bdew il-kampanja referendarja fuq togħma morra. Il-kampanja referendarja għandha tkun waħda paċifika bbażata fuq ir-raġuni. Sfortunatament, iżda, dejjem jidher iżjed ċar li ma tantx hemm ma min tista’ tirraġuna.
Bid-deċiżjoni tal-Gvern fi tmiem il-ġimgħa li jwaqqaf temporanjament l-istaġun tal-kaċċa tal-ħarifa ngħata messaġġ li wara kollox l-irkatt bil-vot mhux dejjem għandu effett. Jista’ jkun li fl-aħħar il-Partit Laburista ukoll beda jiftaħ għajnejħ li l-appoġġ li kien qiegħed jagħti lill-kaċċaturi kien wieħed żbaljat.
Kuraġġ hemm spazju għal kulħadd fil-Koalizzjoni kontra l-Kaċċa fir-Rebbiegħa.