Bdejna bl-ewwel inċidenti tal-istaġun tal-kaċċa fil-ħarifa.
Nhar it-Tnejn 14 ta’ Settembru kellna l-ewwel rapport ta’ sparer fuq kuċċard (honey buzzard) bil-qtil u l-feriment ta’bosta għasafar.
Sadanittant illum fil-Qorti kaċċatur mis-Sannat ta’ 21 sena instab ħati li fi Frar li għadda kellu fil-pussess tiegħu żewġ għasafar protetti. Il-Maġistrat waħħlu multa ta’ €8,000 u ħadlu l-liċenzja tal-kaċċa għal dejjem.
Uħud forsi jqiesu din sentenza iebsa (għax il-Qorti ħaditlu l-liċenzja tal-kaċċa għal dejjem). Naħseb li mhux iebsa biżżejjed.
Il-qtil tat-tajr protett hi materja serja ħafna għax dan it-tajr hu fil-periklu li jinqered. U meta jkun inqered, ma jiġix lura. Hemm bżonn li dawk il-ftit kaċċaturi li ma jrid jitgħallmu b’xejn u ser jibqgħu jisparaw bl-addoċċ iduqu ukoll ftit ħabs.