Il-qerda tal-għasafar protetti tkompli

160915_BirdLife staff with 3 shot birds

 

Nhar l-Erbgħa il-BirdLife Malta ġabret tliet għasafar protetti midruba – Russett Aħmar (Purple Heron), Bagħdan Aħmar (Marsh Harrier) u Gamiema tal-Kullar (Collared Dove). It-tliet għasafar kienu rraportati minn membri tal-pubbliku u kkonfermati minn veterinarju li soffrew feriti kaġun ta’ tiri ta’ senter.

Ir-Russett Aħmar li instab fl-inħawi ta’ Mġarr ix-Xini f’Għawdex, kellu ksur fil-ġewnaħ tax-xellug u kellu jitraqqad kawża tal-feriti li ġarrab.

Bagħdan Aħmar inġabar minn Birzebbuga b’ferita fil-ġewnah tal-lemin. Ritratt bl-X-ray ikkonferma li l-għasfur kellu ferita qadima fil-ġewnaħ tax-xellug li kienet fieqet, madankollu ġarrab ferita friska minn tir ta’ senter li kkawza ksur fil-ġewnaħ tal-lemin u ħalla diversi ċomb f’ġisem l-għasfur. Il-Bagħdan ġie mgħoddi lill-puluzija tal-ALE.

Kemm il-Bagħdan Aħmar, kif ukoll ir-Russett Aħmar huma żewġ speċi fost li jaqgħu taħt Anness 1 tad-Direttiva tal-Għasafar u li għandom l-ogħla forma ta’ ħarsien.

Gamiema tal-Kullar, tajra oħra protetta, instabet fil-Madliena b’ ferita fil-ġewnaħ tax-xellug ukoll kaġun ta’ tir ta’ senter. L-għasfur qiegħed jingħata l-kura meħtiega.

 

Dawn l-inċidenti jġibu għal 4 t-total ta’ għasafar midruba kawża ta’ kaċċa llegali li l-BirdLife Malta ġiet mgħodija minn membri tal-pubbliku. Il-BirdLife Malta tisħaq li dawn l-inċidenti huma indikazzjoni tal-ammont ta’ kaċċa llegali li qed isseħħ f’dawn iż-żminijiet b’diversi tajr protett ieħor maqtul li ma jiġix irrapportat. Il-BirdLife tixtieq tfakkar lil membri tal-pubbliku biex jirraportaw kaċċa llegali lill-pulizija fuq 119 jew lill-għaqda fuq 21347644.

(test meħud minn stqarrija ta’ Birdlife Malta li ħarġet il-bieraħ)

Uħud mill-kaċċaturi ma jridux jitgħallmu

2015.09.14_Honey Buzzard_Injured_Shot

Bdejna bl-ewwel inċidenti tal-istaġun tal-kaċċa fil-ħarifa.

Nhar it-Tnejn 14 ta’ Settembru kellna l-ewwel rapport ta’ sparer fuq kuċċard (honey buzzard) bil-qtil u l-feriment ta’bosta għasafar.

Sadanittant illum fil-Qorti kaċċatur mis-Sannat ta’ 21 sena instab ħati li fi Frar li għadda kellu fil-pussess tiegħu żewġ għasafar protetti. Il-Maġistrat waħħlu multa ta’ €8,000 u ħadlu l-liċenzja tal-kaċċa għal dejjem.

Uħud forsi jqiesu din sentenza iebsa (għax il-Qorti ħaditlu l-liċenzja tal-kaċċa għal dejjem). Naħseb li mhux iebsa biżżejjed.

Il-qtil tat-tajr protett hi materja serja ħafna għax dan it-tajr hu fil-periklu li jinqered. U meta jkun inqered, ma jiġix lura. Hemm bżonn li dawk il-ftit kaċċaturi li ma jrid jitgħallmu b’xejn u ser jibqgħu jisparaw bl-addoċċ iduqu ukoll ftit ħabs.