Joseph Muscat u l-Kaċċa: dak li tiżra’ taħsad

storks in Malta 2014

L-inċidenti dejjem iktar spissi ta’ qtil ta’ għasafar protetti huma l-konsegwenza loġika tal-messaġġi ta’ Joseph Muscat lil kaċċaturi.

Il-messaġġ li Muscat u l-Partit Laburista dejjem taw lill-kaċċaturi kien wieħed ċar u sempliċi ħafna biex jinftiehem : il-Partit Laburista jipproteġi l-kaċċa w il-kaċċaturi. Bħala riżultat ta’ dan il-messaġġ uħud mill-kaċċaturi fehmu li issa għandhom id-dritt li jagħmlu li jridu. Avolja mhux kollha jaħsbu hekk, dik hi l-attitudni ġenerali.

Il-konsegwenzi ta’ dan kollu huma dawk li naraw madwarna kontinwament. Abbużi. Wieħed wara l-ieħor.

L-egħluq temporanju tal-istaġun tal-kaċċa fil-ħarifa mit-3.00pm tal-lum s-Sibt 20 ta’ Settembru sal-11 t’ Ottubru 2014 hu pass tajjeb. Imma hu pass li Muscat qed jieħdu tard ħafna, għax min laħaq rabba’ l-arja issa bil-mod biex ineħħiha. Għal dan jaħti biss Joseph Muscat.

M’għandix dubju li matul il-ġranet li ġejjin ser nisimgħu iktar rapporti dwar inċidenti diversi. Il-Gvern kellu jiċċaqlaq għax l-opinjoni pubblika qed tirreaġixxi għall-abbużi li hawn madwarna. Dan hu pass tajjeb. Forsi Joseph Muscat xi darba jiġi f’sensieh.