L-ambaxxata Amerikana nbniet 9 snin ilu fuq medda kbira ta’ art f’ Ta’ Qali li nxtrat mingħand il-Gvern Malti għas-somma ta’ €14.6 miljuni. L-ambaxxata f’Ta’ Qali hi mibnija fuq art b’qies ta’ madwar 4 ettari, jiġifieri 40,000 metru kwadru.
Iktar kmieni din il-ġimgħa l-Awtorità tal-Ippjanar approvat permess ta’ żvilupp biex tinbena ambaxxata Ċiniża f’Pembroke fuq art b’qies ta’ madwar 2 ettari, jiġifieri 20,000 metru kwadru.
Għalkemm il-kumpless tal-ambaxxata Ċiniża ser ikun madwar nofs fid-daqs meta mqabbel ma dak Amerikan f’Ta’ Qali xorta hu kbir wisq. L-art li fuqha ser jinbena dan il-kumpless inxtrat mingħand il-Gvern Malti għas-somma ta’ €7,880,000.
Għalfejn dawn il-pajjiżi barranin qed jitħallew jibnu l-ambaxxati tagħhom fuq art daqshekk kbira? Jekk verament jeħtieġu dan l-ispazju għaliex ma ġewx imħajra biex jirrestawraw xi bini qadim, preferibilment storiku, b’benefiċċju għall-komunità Maltija?
Kemm ser indumu ma jkollna xi talba oħra għall-iżvilupp ta’ kumpless ieħor għal ambaxxata enormi? Forsi mill-Federazzjoni Russa?
Id-dibattitu pubbliku dwar l-Università Amerikana f’Malta suppost li għamel lil ħafna nies iktar konxji. Imma jidher li ma tgħallmu xejn mid-dibattitu pubbliku li wassal biex l-unika parti ta’ din l-Univeristà li illum qed tiffunżjona qegħda flok it-tarżna f’Bormla. Il-bini storiku li kien jifforma parti mit-tarżna ta’ Bormla, l-imħażen tal-Kavallieri tas-sbatax-il seklu u l-workshops tal-Ammiraljat Ingliż tad-dsatax-il seklu ġew restawrati u ħadu ħajja ġdida. Dan kollu issarraf f’ġid ambjentali għall-pajjiż kollu u l-ħarsien ta’ art f’Marsaskala minn żvilupp li kien jeqridha.
Jekk nistaqsu għaliex dawn l-ambaxxati kbar, daqs raħal, qatt m’hu ser ikollna tweġiba onesta. Għax hu ovvju li apparti x-xogħol konsulari normali u l-iżvilupp ta’ relazzjonijiet tajba mad-dinja tan-negozju u mal-komunitajiet lokali, fir-realtà, dawn l-ambaxxati huma “widna” iffukata biex tisma’ dak li qed jiġri fir-reġjun tal-Mediterran.
Uħud iħobbu jiddeskrivu kemm lill-iStati Uniti kif ukoll lir-Repubblika Ċiniża bħala ħbieb kbar ta’ Malta. Ir-realtà hi ftit differenti. Hu prinċipju bażiku tal-politika barranija li l-pajjiżi m’għandhomx ħbieb, għandhom biss interessi! Ir-relazzjonijiet diplomatiċi, imbagħad, iservu biex iġibu l-quddiem dawn l-interessi!
Il-posizzjoni ta’ Malta fil-Mediterran tagħmilha idejali bħala ċentru fejn tisma’ u tosserva. Dan, hu interess ewlieni li minħabba fih kemm l-Istati Uniti kif ukoll ir-Repubblika Ċiniża għandhom bżonn spazju kbir.
Id-dibattitu riċenti dwar il-possibiltà ta’ ftehim li jirregola l-militar Amerikan f’pajjiżna (Status of Forces Agreement : SOFA) hu indikattiv. Il-kummenti li smajna u qrajna jagħtu idea żgħir ta’ dak li kien għaddej madwar il-mejda.
F’pajjiżi kbar, ambaxxati kbar jistgħu jagħmlu sens. Imma Malta, tista’ tgħaddi mingħajrhom. M’għandniex bżonn ambaxxati kbar biex intejbu r-relazzjonijiet mal-Istati Uniti jew iċ-Ċina.
L-ambaxxata tal-Istati Uniti f’Ta’ Qali issa ilha mibnija u ilha topera 9 snin. Imma l-ambaxxata Ċiniża għadha fuq il-pjanta. MInkejja li għadha kif ġiet approvata l-ambaxxatur Ċiniż għad għandu ħin biex jaħseb ftit dwar kif jista’ jindirizza n-nuqqas ta’ spazju li għandu mod ieħor. Jista’ jikunsidra r-riabilitazzjoni ta’ bini qadima, possibilment bini storiku minflok ma jibni ambaxxata daqs raħal.
Jekk jagħmel hekk ikun qed jittrasforma problema f’opportunità.
Qatt mhu tard, sur Ambaxxatur.
Ippubblikat fuq Illum : Il-Ħadd 1 ta’ Novembru 2020