Tiftakru dak ir-rapport tal-MEPA dwar iż-Żonqor, fejn awturi fantażma qalu li ż-Żonqor seta jkun ikkunsidrat għall-iżvilupp ta’ Università Amerikana?
Il-konklużjoni ta’ (kważi) kulħadd kienet li ma kien hemm l-ebda serjetà fit-tfassil tar-rapport, u li kien ikun aħjar għall-MEPA u l-kredibilità tagħha kieku qagħdet il-bogħod u ma daħlitx bħal żatat fejn ma kienx postha.
Il-bieraħ fir-Renju Unit wara stħarriġ ta’ sentejn u nofs u nefqa ta’ £stg 20 miljun [għoxrin miljun sterlina] kien ippubblikat rapport imsejjaħ Airports Commission: Final Report. F’dan ir-rapport kummissjoni maħtura mill-Gvern tar-Renju Unit kellha l-inkarigu li teżamina l-kapaċita’ tal-ajruporti li jservu Londra u l-impatti tal-espansjoni potenzjali ta’ tnejn minnhom. Il- kummissjoni kienet mistennija tagħti parir dwar jekk għandux ikun kostruwit it-tielet runway fl-ajruport ta’ Heathrow inkella jekk kellux ikun kostruwit runway addizzjonali fl-ajruport ta’ Gatwick.
Iċ-Ċhairman tal-kummissjoni Sir Howard Davies, fid-daħla għal rapport ta’ 344 paġna jagħmel din id-dikjarazzjoni:
“Il-benefiċċji tal-avjazzjoni jgawdihom kulħadd, filwaqt li l-piż ambjentali tagħhom jintrefgħu mill-ftit. Għal dawk li joqgħodu ħdejhom l-ajruporti huma ġirien storbjużi, b’kilba għal ħafna art.”
(The considerable benefits of aviation accrue to the many, while the environmental costs are borne by the (relatively) few. For those who live near them airports are noisy neighbours and are greedy for space.)
Essenzjalment dan il-kumment jgħodd għal kull proġett li jkun ippjanat. Għalhekk isiru l-istudji, biex ikunu identifikati l-impatti negattivi tal-proġett bl-iskop li, fejn possibli, dawn ikunu indirizzati. Fejn minkejja kull sforz (ġenwin) l-impatti jibqgħu hemm, wieħed imbagħad ikun irid jara jekk il-proġett ikunx għadu ġustifikabbli.
Il-Gvern (tar-Renju Unit) għad irid jieħu deċiżjoni. Imma l-kontroversja għadha fil-bidu nett. Hemm diversi membri parlamentari tal-Gvern li diġà esprimew ruħhom kontra l-proposta, fosthom numru ta’ MPs prominenti.
Ir-rapport ta’ 344 paġna, li diġa hu voluminuż, hu supplimentat b’numru kbir ta’ rapport tekniċi li jikkunsidraw diversi aspetti tal-impatti ambjentali , soċjali u ekonomiċi. Impatti fuq in-negozju u impatti fuq il-kwalita’ tal-arja. Impatti fuq il-klima, kif ukoll l-impatti fuq ir-residenti lokali. Impatti fuq it-trasport fil-lokalità kif ukoll eżami tal-validità tal-previżjonijiet diversi tat-traffiku tal-ajru ġġenerat. L-impatti fuq l-ekonomija lokali u l-impatti fuq l-ekonomija nazzjonali. L-impiegi w ix-xogħol iġġenerat. L-impatt fuq il-kwalità tal-ħajja, is-saħħa u “equality impact assessment”.
Dan kollu u iktar hu mfisser f’eluf ta’ paġni biex il-Gvern tar-Renju Unit ikun jista’ jieħu deċiżjoni infurmata, imma ukoll biex is-soċjeta’ ċivili tkun tista’ tagħmel il-kontrolli neċessarji li l-analiżi qed issir sewwa u b’mod professjonali.
Dan kollu eventwalment ikun segwit ukoll bi studju dwar l-impatti ambjentali (environment impact assessment) skond jekk jintagħżilx Heathrow jew Gatwick.
Ma kienx ħaqqu iż-Żonqor u r-residenti ta’ Marsaskala li l-proġett propost ikun ikkunsidrat ftit fid-dettall, ankè f’dan l-istadju?
Mhux ta’ b’xejn li l-awturi tar-rapport stħaw juru wiċċhom!