Kunflitt ta’ interess: mhux wieħed, mhux tnejn, imma tlieta

L-inċineratur tal-Wasteserv jidher li għandu saħta kbira fuqu.

Meta l-Awtoritá dwar l-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) kienet qed teżamina l-applikazzjoni oriġinali li dwarha kien hemm ħtieġa ta’ environment impact assessment (EIA), kien hemm konsultazzjoni pubblika dwar l-istess EIA. Hekk normalment isir.

Niftakar ċar qiesu l-bieraħ li jiena kont ressaqt diversi oġġezzjonijiet għall-EIA u dan billi kien hemm min mexxa u ħa sehem fl-istess EIA waqt li kellu konflitt ta’ interess.

L-ERA kienet tagħtni raġun, avolja qatt ma wieġbet l-oġġezzjonijiet tiegħi. L-EIA kien tħassar u sar mill-ġdid: min imexxieh kien inbidel. Billi għadda ftit żmien, madwar erba’ snin, hemm min nesa dan kollu. Pero tajjeb li niftakru! Għax jidher li l-Wasteserv ma tgħallmet xejn, dakinnhar.

Dan kien l-ewwel kunflitt ta’ interess dwar l-inċineratur.

It-tieni każ kien dak deċiż mill-Qorti l-ġimgħa l-oħra. Il-proċess tal-aġġudikazzjoni tat-tender ħadu sehem fih persuni li kellhom kunflitt ta’ interess. L-aġġudikazzjoni tat-tender għaldaqstant tħassret mill-Qorti u trid terġa’ ssir mill-ġdid.

Issa irridu nlestu għat-tielet każ ta’ kunflitt ta’ interess. Dan jinvolvi lill-Adrian Delia Membru Parlamentari f’isem il-PN.

Mhux ċar meta jkun qed jitkellem f’isem il-klijenti tiegħu (il-consortium immexxi mill-Hitachi) u meta jkun qed jitkellem f’isem l-Opposizzjoni dwar dan il-kaz! Konflitt ta’ interess ieħor?

Wara kollox fuq tlieta toqgħod il-borma!

Ilna nitkellmu dwar il-ħtieġa li l-Membri Parlamentari jservu biss l-interess pubbliku. Tkellimna diversi drabi kif huma ma jistgħux jaqdu dmirhom sewwa jekk b’id waħda jaqdu lill-klijenti, u fl-istess ħin, bl-id l-oħra jippruvaw jaqdu l-interess pubbliku.

L-interess pubbliku u l-interess tal-Hitachi huma ferm differenti!

Ikun ferm aħjar kieku l-Membru Parlamentari jiddedika l-ħin kollu tiegħu għall-Parlament u l-ħidma assoċjata miegħu.

Dan hu eżempju ċar illum kif m’għandux jaġixxi l-Membru Parlamentari. Hi issue ta’ etika li jrid jiffaċċja kull Membru Parlamentari. Għalhekk il-Membri Parlamentari għandhom ikunu full time: mhux b’għażla iżda b’obbligu, bilfors!

Ma jagħmilx sens li l-Membru Parlamentari Malti fil-għaxija jikkritika lill-Awtorità (hi liema hi) dwar kif din qed taħdem u fil-għodu fil-Qorti jassisti lil min jikkontesta l-mod kif tkun ħadmet l-istess awtorità. Il-Membru Parlamentari għandu juri b’mod ċar li hu legislatur indipendenti. Għax sakemm jibqa’ part-timer dejjem ser ikun hemm dubju raġjonevoli li ta’ l-inqas xi drabi huwa jkun immotivat mill-interessi tal-klijenti tiegħu iktar minn kull ħaġa oħra.

One comment on “Kunflitt ta’ interess: mhux wieħed, mhux tnejn, imma tlieta

  1. Proset.

    Din tal-Membri Parlamentari jibqghu jahdmu professjonalment ghal klienti involuti fi progetti tal-Gvern trid tinqatgha.

    Mhux biss.

    Gewwa l-qrati thoss dik ‘l-awra’ ta’ influenza li jgibu maghhom dawn l-MPs.

    Tahsbu li meta il-Partit taghhom jkunu fil-Gvern dawn ma’ juzawx il-poter biex jghinu l-hbieb tal-hbieb?

Leave a comment