L-elezzjoni mill-ġdid ta’ Ralph Cassar bħala kunsillier f’Ħ’Attard u l-elezzjoni ta’ Sandra Gauci f’San Pawl il-Baħar huma bla dubju riżultat pożittiv. Huma rifless tal-ħidma li għamlu. Fil-każ ta’ Ralph hi rifless tal-ħidma tul ħafna snin, filwaqt li fil-kaz ta’ Sandra hi ukoll frott tal-ħidma u determinazzjoi tagħha kemm ilha attiva.
Mhux biss.
Għalkemm mhux kulħadd jirrealizza, l-elezzjoni tagħhom hi ukoll rifless tal-ħidma tal-partit kollu tul is-snin.
Kellna ukoll kandidati oħra validi ħafna. Fuq quddiem Brian Decelis f’Marsaskala li għalkemm ma ġiex elett mar tajjeb ħafna. Il-kandidati l-oħra kollha, Melissa Bagley f’Birżebbuġa, Mark Zerafa f’Birkirkara, Samuel Vella f’Ħal-Balzan u Janet Zahra Walker f’ Tal-Pietà, lkoll taw kontribut mhux biss fil-lokal fejn ikkontestaw imma ukoll kontribut biex jasal iktar il-messaġġ tal-partit.
Bla dubju hemm ħafna iktar li jista’ jsir. F’dawn iċ-ċirkustanzi, iżda għandna napprezzaw li r-risorsi tal-partit huma limitati u li għaldaqstant il-ħidma li għamel il-partit kienet, sa ċertu punt, limitat minn dawn ir-riżorsi. Kulħadd jixtieq li sar iktar. Imma ma hemmx biex naqtgħu qalbna. Bid-determinazzjoni inkomplu nimxu, pass pass il-quddiem.
Il-ħidma ta’ dawn is-7 kandidati, tnejn minnhom eletti, hi pediment tajjeb għall-futur. Futur li jrid jinbena fuq dak li wettaqna illum.
Grazzi lil kull wieħed u waħda minn dawn il-kandidati li ħadmu minn qalbhom.
Da parti tiegħi, nibqa’nagħti l-kontribut żgħir tiegħi li jingħaqad flimkien ma dak ta’ dawk ta’ rieda tajba li jixtiequ l-ġid lill-partit.