Il-maħfra Presidenzjali: min qed jistaħba wara l-vulnerabbli?

Il-Kamra tal-Kummerċ tagħmel l-argument li l-maħfra Presidenzjali approvata mill-Kabinett fl-aħħar jiem issaħħaħ il-kultura tal-impunità fil-pajjiż. Il-Kamra tal-Kummerċ għandha biċċa raġun.

Għalkemm il-maħfra hi kwalità nobbli, din il-maħfra Presidenzjali għandha riħa tinten ta’ kalkulu u opportuniżmu politiku.

Minn dak li qalu kelliema għall-Gvern, dawk li ibbenefikaw minn dan l-abbuż tas-servizz soċjali (prinċipalment pensjoni għall-epilettiċi) huma vittmi f’din l-istorja: huma persuni vulnerabbli, għaddejjin minn tbatija kbira. Ma nafx kemm dan jgħodd għal kulħadd, imma mill-istejjer li smajna ċertament li hemm persuni li batew u li għadhom qed ibatu u li għal dawn il-pensjoni abbużiva kienet salvauomo li setgħet ittaffi ftit mit-tbatija tagħhom.

Is-suppost maħfra, issa qed tpoġġi lill-vulnerabbli fuq quddiem biex warajhom jistaħbew dawk li sabu opportunità oħra biex imaxtru u jibbenefikaw minn miljuni ta’ euro.

Il-mistoqsija li s’issa għad ma ġietx imwieġba hi dwar x’kienet qed tagħmel it-tmexxija tal-Ministeru għall-Politika Soċjali. Is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru u l-Ministru innifsu, quddiem dan kollu, baqgħu ċassi. Qed jgħidu li ma kienu jafu b’xejn, ma ndunaw b’xejn.

Ifisser dan li qegħdin hemm għalxejn? Li l-istrutturi ta’ kontroll fil-Ministeru ma’ ħadmux? Jew li kien hemm kompliċità tant mifruxa li irnexxielha tostor kollox għal ħin twil?

Fid-dawl tal-allegazzjonijiet li persuna tal-fiduċja politika fl-istess Ministeru kien qed jidderieġi dan l-eżerċiżżju ta’ ħmieġ li bih sar abbuż sfaċċjat tal-vulnerabbli, kemm il-Ministru kif ukoll is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Politika Soċjali għandhom jerfgħu r-resposnabbiltà għal dak li ġara u jirreżenjaw bla iktar dewmien.

Wara kollox, ma ndunaw b’xejn, ma kienu jafu b’xejn! Xi ħtieġa hemm li jibqgħu mas-saqajn? Bihom u mingħajrhom xorta! Ikunu aħjar li jwarbu it-tnejn!