B’sodisfazzjoni, inħarsu l-quddiem

Flimkien ma sħabi ħriġt mis-sala tal-għadd tal-voti f’nofs il-lejl bejn il-Ħadd u t-Tnejn.

Għalina din l-elezzjoni kienet esperjenza posittiva għax irnexxielna nirbħu lura l-parti l-kbira tal-voti li konna tlifna fl-elezzjoni tal-2017.

Sodisafatt li l-ilħaqna l-miri tagħna li naqbżu kwota fuq livell nazzjonali. Issa nistgħu ngħaddu għall-fażi li jmiss fil-kampanja politika tagħna: il-ġlieda għall-proporzjonalità vera. Proporżjonalità li l-liġi tagħna tirriżerva b’mod esklussiv għall-PLPN.

Kif diġa ħabbart, iktar tard matul il-ġimgħa ser nikkontestaw ir-riżultat elettorali. Il-kontestazzjoni tagħna hi limitata għall-mekkaniżmu tal-proporzjonalità u dak tal-bilanċ tal-ġeneru li jiddiskriminaw fl-applikazzjoni tagħhom. Il-fatt li ġibna kwota fuq livell nazzjonali jagħti saħħa u kredibilità lill-argumenti tagħna.

Il-Kummissjoni Elettorali tul il-kampanja kollha agixxiet ħażin. L-aħħar argument li kelli mal-kummissjoni l-bieraħ kien meta bi stupidita kbira irrifjutaw li jagħtuni kopja tar-riżultati bil-counts u l-wirt tal-voti. Domt ħin twil nargumenta magħhom meta fl-aħħar ċedew u għaddewli kopja. Ma nistax nifhem għalfejn jieħdu dan l-atteġġament.

Fuq nota personali għandi sodisfazzjoni kbir li kelli madwari team tajjeb li lkoll kemm huma ħadmu għat-team kollu. Ir-riżultat hu xhieda ta’ dan. Grazzi.

Jiena illum il-ġurnata għandi 66 sena u ma naħsibx li hu fl-interess tal-partit li nibqa’ fit-tmexxija wisq iktar. Lil sħabi ilni li nfurmajthom li jridu jsibu lil xi ħaddieħor biex imexxi lill-partit għall-futur. Mhux ser naqbad u nitlaq għax dan ikun ta’ ħsara imma hu l-mument li posti jieħdu ħaddieħor biex ikompli jibni fuq ix-xogħol utli li wettaqna flimkien. Jiena ngħin kemm nista’, mhux biss fi transizzjoni għal tmexxija ġdida imma anke fil-ħidma li trid tibqa’ issir. Għad baqali iktar enerġija!

Kburi li wasalna hawn. Grazzi lill-4747 votant li tawna l-fiduċja tagħhom. Inħarsu l-quddiem b’sodisfazzjon.