Dal-għodu għan-nom ta’ Alternattiva Demokratika għamilt żjara ta’ kortesija lill-Ispeaker fl-uffiċini tiegħu fil-Parlament.
Tkellimna dwar il-ħidma tal-Parlament. Jiena għażilt li niffoka fuq żewġ punti. L-ewwel dwar in-nuqqas tad-dħul fis-seħħ tal-liġi dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika u wara dwar ir-apport annwali tal-Ombudsman għall-2017. Żewġ argumenti li huma relatati ħafna.
Bid-dewmien tad-dħul fis-seħħ tal-Att dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika il-Parlament qed jagħti messaġġ wieħed ċar: li m’għandux għaġġla biex il-Membri Parlamentari jagħtu kont ta’ egħmilhom kull meta dan ikun meħtieġ. Jidher li għad ma hemmx qbil bejn Gvern u Oppożizzjoni dwar il-ħatra tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, liema Kummissarju jeħtieġlu li jinħatar bi qbil ta’ żewġ terzi tal-Kamra.
Jidher li l-partiti rappreżentati fil-Parlament m’għandhomx għaġġla biex din il-liġi tkun implimentata. L-ewwel damet tlett snin għaddejja mill-Parlament (Mejju 2014 sa Marzu 2017). Issa ilha ħmistax-il xahar li rċieviet l-approvazzjoni tal-President tar-Repubblika, iżda għada fuq l-ixkaffa.
Dan kollu jassumi sinifikat ikbar jekk wieħed jarrah fil-kuntest tar-rapport tal-Ombudsman għall-2017 fejn hu ċar li d-dritt għall-informazzjoni dwar l-amministrazzjoni pubblika qiegħed taħt assedju.
Hu ċar li l-kontabilitá u l-aċċess għall-informazzjoni jimxu id f’id fi stat demokratiku. Huma l-pedamenti tad-demokrazija li l-Parlament għandu l-obbligu li jindokra.
Tlabt lill-Ispeaker biex jiġbed l-attenzjoni tal-Parlament li mhux aċċettabbli li nibqgħu bit-tkaxkir tas-saqajn. Hu neċessarju li l-Parlament jassigura l-ħarsien tad-dritt tal-aċċess għall-informazzjoni kif ukoll li l-kontabilitá ma tibqax slogan.