Adrian Delia mhux mejjet bil-ġuħ

It-Times qalulna illum li l-kontijiet tat-taxxa li l-Kap tal-Opposizzjoni kellu pendenti  tħallsu mill-kunjati ta’ Adrian Delia.

Qrajna matul il-ġimgħat u x-xhur li għaddew fuq kontijiet pendenti ta’ Adrian Delia dwar credit cards, overdrafts personali mad-diversi banek u d-diffikultajiet tal-kumpanija Mġarr Developments Limited li fiha Adrian Delia għandu sehem minoritarju ta’ madwar 9%.

Xi żmien ilu kumpanija tal-awdituri kienet iċċertifikat li Adrian Delia għandu x’jagħmel tajjeb għal dak li għandu jagħti lill-banek. Tajjeb.

Imma x’sens jagħmel għall-Opposizzjoni li tkun fl-aħbarijiet mhux għal proposti politiċi innovattivi tagħha (fejnhom?) imma għall-mod kif il-Kap tal-Opposizzjoni jamministra flusu?

Il-messaġġ ċar li Adrian Delia qed jagħti u ilu jagħti sa minn meta ġie elett bħala Kap tal-Opposizzjoni mhux wieħed ta’ serjetá. Smajna kull xorta ta’ stejjer dwar dan: l-ebda waħda minnhom ma tnissel fiduċja f’min jippretendi li jmexxi l-pajjiż.

Għax jekk l-amministrazzjoni ta’ flusek tnissel dubji, kif qatt tista’ titwemmen meta titkellem dwar it-tmexxija tajba?

Delia, ovvjament mhux mejjet bil-ġuħ. Imma madwaru hemm għatx kbir għas-serjetá fit-tmexxija, fil-forom kollha tagħha.

Kemm ħasbuna ċwieċ ?

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika għadu kif ikkonkluda investigazzjoni dwar iċ-Ċentru Interpretattiv f’Ħad-Dingli. L-investigazzjoni fittxet li tiddetermina jekk kienx hemm xi ftehim wara l-kwinti bejn uffiċjali pubbliċi diversi biex is-sit f’Ħad-Dingli jkun ittrasformat minn ċentru interpretattiv għal stabiliment tal-ikel.

L-investigazzjoni, kif spjegat f’rapport bl-Ingliż li ippubblika l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika ma sab l-ebda prova li tista’ tissostanzja allegazzjonijiet dwar frodi jew korruzzjoni. Hemm imma referenza għal dak li qed jissejjaħ “oversight”, jiġifieri żball. Ċentrali fl-iżvilupp ta’ dan l-iżball insibu l-awtoritá li tieħu ħsieb l-ippjanar dwar l-użu tal-art. Dakinnhar MEPA, illum PA.

Meta l-Kunsill Lokali ta’ Ħad-Dingli issottometta l-applikazzjoni bażika (dik li nirreferu għaliha bħala outline development permission) (applikazzjoni PA5314/02) il-kunsill kien qed jitlob li jingħata permess għal żona fejn iservu l-ikel (id-dokumenti jirreferu għal catering area). Ir-rapport tal-Uffiċċju tal-Verifika jagħmel referenza għal dokumenti tal-MEPA biex juri li l-Kunsill Lokali ta’ Ħad-Dingli kien qed jintalab jirrevedi l-proposta tiegħu, u b’mod partikolari biex ineħħi mill-pjanti kull referenza għal żona fejn iservu l-ikel. Dan it-tibdil, jemfasizza ir-rapport “included the elimination of catering services”. Biex l-affarijiet ikunu ċari ħafna, l-MEPA insistiet biex tkun emendata ukoll il-proposta ta’ żvilupp innifisha.

Il-proposta oriġinali ta’ żvilupp li ippreżenta l-Kunsill Lokali kienet dwar twaqqiegħ ta’ żewġ binjiet eżistenti u l-bini minflok ta’ binja ta’ tlett sulari b’diżinn modern b’qies ikbar minn dak tal-bini eżistenti. Il-pjanti jipprovdu għal kċina żgħira u żona mdaqqsa fejn joqgħodu bil-qegħda n-nies.

Il-MEPA insistiet, u l-Kunsill Lokali ta’ Ħad-Dingli aċċetta, li l-proposta ta’ żvilupp kellha tkun emendat biex tikkonċerna r-restawr tal-binjiet eżistenti flmkien ma alterazzjonijiet u żidiet għalihom biex ikunu mibdula f’ċentru interpretattiv. Il-bejgħ ta’ ikel u xorb fuq is-sit kellu jkun limitat għal dak li seta jsir bil-magni (vending machines).

Iktar tard il-Kunsill Lokali ta’ Ħad-Dingli ippreżenta applikazzjoni dettaljata (full development permission) li kienet approvata mill-MEPA. Din l-applikazzjoni approvata (PA0425/08), jgħidilna r-rapport tal-Uffiċċju tal-Verifika, “ippermetta li ikel u xorb setgħu jinxtraw miċ-ċentru interpretattiv bħala attivitá anċillari (allowed food and drink to be served at the Interpretation Centre as an ancillary activity). Dan minkejja li dan kollu kien ipprojibit mill-permess bażiku li kien approvat iktar qabel, meta kienu ġew stabiliti l-parametri bażiċi tal-proġett.

Ir-rapport tal-Uffiċċju tal-Verifika jgħidilna li meta l-investigaturi għarblu liċ-Ċhairperson tal-Kummissjoni għall-Kontroll tal-Iżvilupp fuq il-każ, din qaltilhom li d-diskrepanza kienet żball u li hi kellha l-impressjoni li l-permess approvat kien jirrifletti d-diskussjoni li saret fil-bord u allura kien jipprojibixxi li jkun possibli li sservi l-ikel fis-sit (this variance as an oversight, and that she was under the impression that the permit issued reflected the Board’s discussion, and therefore excluded catering on site).

Il-kelma li tintuża hi “oversight”, liema kelma tfisser “żball li jsir bi żvista għax tkun qabżitlek xi ħaġa”.

Meta fittixt fid-dokumentazzjoni tal-MEPA sibt li mill-minuti tal-laqgħat tal-Kummissjoni għall-Kontroll tal-Iżvilupp ma tantx jidher li qabeż xejn biex sar dan “l-iżball”. Fil-fatt il-minuti tat-18 ta’ Marzu 2009 speċifikament jgħidu li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tirrifjuta l-applikazzjoni minħabba li dak propost dwar il-“catering facilities” (jiġifieri l-użu magħruf bħala Class 6 use) ma kienux approvati fl-ewwel permess.

Fid-dokument tal-MEPA li nirreferu għalih bħala DPAR (Development Permit Application report) fit-taqsima tiegħu intitolata “Notes to Committee” hemm miktub li l-perit tal-Kunsill Lokali rinfaċċjat b’dan ippreżenta pjanti mibdula li fihom il-faċilitajiet għall-catering tneħħew.

F’laqgħat li saru iktar tard mill-Kummissjoni għall-Kontroll tal-Iżvilupp, din l-intenzjoni tal-Kummissjoni inbidlet u l-applikazzjoni bil-faċilitajiet tal-catering b’kollox kienet approvata nhar l-20 ta’ Jannar 2010.

Dan tista’ issejjaħlu kollox minbarra “żball”. Kienu jafu x’inhuma jagħmlu.

Ir-rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika jgħidilna li “Din l-investigazzjoni tinnota li bejn it-18 ta’ Marzu 2009 u l- 10 ta’ Marzu 2010, il-MEPA bidlet il-posizzjoni tagħha minn waħda li teskludi l-faċilitajiet li jipprovdu għat-tisjir tal-ikel (Class 6 facilities) għal waħda li tippermettihom bħala faċilitá anċillari.” Flok mill-bieb daħlu mit-tieqa.

Il-mistoqsija bażika hi waħda sempliċi ħafna: x’ġara bejn it-18 ta’ Marzu 2009 u l-10 ta’ Marzu 2010 biex wassal lill-Kummissjoni biex tibdel il-fehma tagħha?

Din il-mistoqsija tibqa’ bla tweġiba wara li nkunu qrajna r-rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika.

Huma biss iċ-ċwieċ li jistgħu jaċċettaw l-ispjegazzjoni li dan kien żball!

 

Ippubblikat f’Illum : Il-Ħadd 17 ta’ Ġunju 2018