Il-kaz ta’ Karmenu Abela u l-Istandards fil-Ħajja Pubblika

Karmenu Abela baħbuħ. Mhux politiku li jimbuttak. Anke meta ma taqbilx miegħu. Kelli diversi opportunitajiet li iddiskutejt xi punti miegħu. Dejjem sibtu raġjonevoli.

L-istorja tas-Sunday Times dwaru ippubblikata l-bieraħ għal uħud ma tfisser xejn. Tant ilna nitkellmu fuq il-Bank Pilatus, Keith Schembri u Konrad Mizzi, u Egrant u 17 Black. Bla dubju affarijiet ħafna iktar serji minn struttura temporanja tal-injam fuq il-bejt tad-dar ta’ Karmenu Abela l-Ministru, madwar tlett snin ilu.

Jekk ħadd ma rreżenja fuq affarijiet serjissimi hawn xi ħadd li jaħseb li Karmenu Abela ser jirreżenja fuq erba’ biċċiet injam?

Sfortunatament l-opinjoni pubblika saret immuni għal dawn l-affarijiet. Qiesu ma ġara xejn. Għax jekk qiesu ma ġara xejn għal 17Black, il-Bank Pilatus, Egrant, Mizzi u Schembri kif nistgħu nistennew li dan l-inċident jirreġistra fil-moħħ tan-nies bħala materja projibita li dwarha hu ġustifikat li jkun hemm riżenja?

Meta Karmenu Abela aċċetta li jsirlu dan ix-xogħol id-dar għamel ġudizzju żbaljat (bad judgement), anke jekk ħallas l-ispejjes tal-injam, anke jekk ix-xogħol sar is-Sibt, jiġifieri mhux waqt il-ħin tax-xogħol. Għax hu mistenni li Ministru tal-Gvern iġib ruħu sewwa u ma jagħtix il-messaġġ żbaljat li l-impjegati tal-Ministeru qegħdin hemm biex iservu lilu personalment.

Mhux ta’ b’xejn li l-Kummissarju dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika għadu ma nħatarx wara snin ta’ tejatrin.

Standards? Xi Standards? Morna l-baħar.

Advertisements