Kuxjenza għajjiena

Il-Ministru tal-Ambjent hu Lawrence Gonzi. Huwa bniedem ta’ kuxjenza. Li jgħarbel, jiżen u jaqta’ skond ma tgħidlu l-kuxjenza.

Dan l-aħħar minħabba l-proposta ta’ JPO fuq id-divorzju il-kuxjenza ta’ Lawrence Gonzi ħadmet bl-overtime. M’hux faċli, ngħiduha kif inhi, li tippjana referendum u taħseb li n-nies ser ikollha l-istess opinjoni tiegħek u jmurlek kollox żmerċ! Gonzipn ippjana li jkollu deċiżjoni kontra d-divorzju mittieħda mir-referendum u spiċċa jkollu jħaddem il-kuxjenza. Issa din għajjiet ftit u allura affarijiet oħra jkolhom jistennew.

Ikollhom jibqgħu jistennew ir-residenti ta’ Triq Tumas Chetcuti  f’Ħ’Attard. Dawn ilhom jissaportu l-barriera magħrufa bħala ta’ Wied Inċita. Qed timliehom bit-trabijiet u l-awtoritajiet ilabalbu biss. Il-kuxjenza tal-Ministru tal-Ambjent jidher  qegħda bil-leave għax għajjiet u issa m’hiex f’posizzjoni li tagħmel xogħolha. Kieku l-kuxjenza m’hiex bil-leave il-Ministru tal-Ambjent Lawrence Gonzi zgur li jitlob spjegazzjoni  għal 7 enforcement  notices mill-MEPA tul is-snin fuq din il-barriera :

ECF 254/94, 522/96, 693/96, 367/98, 546/98, 936/98, 224/02

Dawn l-enforcement notices huma dwar il-barrieri Numri 3 u 12. Il-Barriera numru 3 hi magħrufa bħala ta’ Wied Inċita Attard fil-waqt li l-barriera numru 12 hi fi Triq ir-Rabat Ħaż-Żebbuġ. Dawn iż-żewg barrieri jinfdu u huma tal-istess sidien.

Alternattiva Demokratika dal-għodu indirizzat lill-istampa fuq il-problemi li dawn  iż-żewġ barrieri qed joħolqu lir-residenti. Forsi l-kuxjenza tal-Onorevoli Ministru Lawrence Gonzi tqum mir-raqda. Jew ta’ l-inqas ma tibqax riżervata għad-divorzju biss.     

il-Ministru tal-Ambjent : dak tal-lum u ta’ qablu