Il-maltemp li jista’ jkaxkarna

29.12.2014

 

Fit-Times of Malta illum f’artiklu intitolat Malta is vulnerable to a devasting megastorm il-Professur Patrick Schembri jispjega kif mir-riċerka li qed jagħmel mal-kosta Maltija qiegħed bil-mod jiskropri provi dwar maltempati kbar li seħħew fil-gżejjer Maltin eluf ta’ snin ilu. L-artiklu ma jidhirx sħiħ online. Online issibu artiklu fil-qosor intitolat Malta hit by megastorms in the past……..and it can happen again.

Din ir-riċerka hi iffinanzjata mill-European Research Council u fiha qed jieħdu sehem tijm internazzjonali mill-Irlanda (Queen’s University Belfast), mir-Renju Unit (University of Cambridge) u Malta (Universita’ ta’ Malta, Sopratendenza tal-Wirt Kulturali u Heritage Malta).  Il-proġett ta’ studju hu mifrux fuq ħames snin u huwa imsejjaħ “ Fragility and sustainability in restricted island environments: adaptation, culture change and collapse in prehistory.”

Fir-rapport tagħha l-ġurnalista tat-Times Sarah Carabott tgħid dawn il-preċiżi kelmiet :

“Malta has been hit by storms so powerful that traces in the coastal sediment remain till this very day, thousands of years later.

If such inclement weather were to hit again, it could leave its mark on infrastructure around the coastline, including the power station and reverse osmosis plants.”

It-Times tirrapport ukoll il-veduti tal-Korporazzjoni Enemalta u tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma. Kelliema għal dawn il-Korporazzjonijiet qalu li l-faċilitajiet in kwistjoni (power station u impjanti tar-reverse osmosis) huma safe. Ġew diżinjati b’mod li jilqgħu anke’ għal l-iktar maltempata qalila, qalu.

 

Ma nafx jekk tiftakrux x’ġara f’Fukushima, l-Ġappun nhar il-11 ta’ Marzu 2011. Il-bini tal-impjant nuklejari  kien b’saħħtu, iddiżinjat għal kontra t-terrimoti. Fil-fatt il-bini ma ġarrabx l-anqas ġirfa bħala riżultat tat-terrimot. Imma mbagħad tħarbat bil-mewġ għoli li ġie iġġenerat bit-tsunami sussegwenti.

Il-ġeologu Ġappuniż Masanobu Shishikura nhar il-11 t’April 2011 kien rappurtat mill-ġurnal Taljan Il Sole 24 Ore li kien ippreveda dan it-tsunami a bażi ta’ oħrajn li seħħew mijjiet ta’ snin ilu bejn 500 u 800 sena ilu.

Dan ifisser illi l-maltempati qliel li seħħew fuq Malta eluf ta’ snin ilu u li dwarhom qed jitkellem il-Professur Schembri m’hemm xejn li jżomm milli jerġgħu jseħħu. Ovvjament tajjeb li l-Korporazzjonijiet jgħidulna kemm aħna ippreparati. Imma probabbilment li m’aħna ippreparati xejn għal diżastru naturali li s’issa m’għandna l-ebda ideja dwar il-qilla tiegħu meta seħħ eluf ta’ snin ilu.