Id-dokument tal-MEPA dwar il-bini għoli: bla ma sar SEA

tall buildings

Id-dokument li ippubblikat il-MEPA riċentment dwar il-kostruzzjoni ta’ bini għoli kellu jkun soġġett għal stima ambjentali strategika, dak li normalment nirreferu għalih bħala Strategic Environment Assessment (SEA). Dan huwa studju, li l-Unjoni Ewropeja tobbliga li jsir dwar il-pjanijiet (plans) li jifformula Gvern u dan biex ikunu identifikati b’mod ġenerali l-impatti ambjentali u b’hekk dawn l-impatti ikunu jistgħu jkunu indirizzati minn qabel ma jinqalgħu.

Id-dokument tal-MEPA dwar il-bini għoli jidentifika l-lokalitajiet u l-parametri permissibli għall-iżvilupp ta’ bini għoli (bini ta’ iktar minn għaxar sulari) kif ukoll ta’ bini ta’ għoli medju (bini sa għoli ta’ għaxar sulari).

In-nuqqas tal-istima ambjentali strategika (SEA) joħloq dubju dwar il-validita’ tad-dokument ippubblikat mill-MEPA. Fi ftit kliem jeħtieġ li ssir din l-istima ambjentali strateġika (jiġifieri stima ambjentali dwar strateġija) u jekk jirriżulta li jkun meħtieġ għandu jkun hemm it-tibdil.

Din il-gwida dwar il-bini għoli (u bini ta’ għoli medju) li ġiet ippubblikata mill-MEPA hi immirata b’mod partikolari lejn ir-riġenerazzjoni ta’ siti b’bini dilapidat jew propjeta’ li mhiex użata biżżejjed jew b’mod adegwat u dan meta din il-propjeta qegħda barra miż-żoni storiċi, barra miż-żoni ta’ konservazzjoni urbana (UCAs) kif ukoll barra miż-żoni għal-prijorita’ residenzjali.

Sfortunatament iż-żoni identifikati huma kbar wisq. Dan hu fatt li huwa rikonoxxut mid-dokument tal-MEPA innifsu meta dan jgħid illi ser ikunu meħtieġa studji addizzjonali għall-applikazzjonijiet li eventwalment jidħlu.

Filwaqt li l-gwida tal-MEPA tidentifika l-istudji li ser ikunu meħtiega biex jiġu eżaminati l-applikazzjonijiet għall-izvilupp ta’ bini għoli jew ta’ għoli medju, l-parti l-kbira minn dawn l-istudji, inkluż kemm studji ambjentali kif ukoll il-kriterji stretti li huma meħtieġa kontra l-ħolqien ta’ dellijiet (shadowing) fuq il-propjeta’ residenzjali kellhom ikunu applikati qabel ma ittieħdu d-deċizjonijiiet dwar il-gwida tal-MEPA. Bħala riżultat in-numru ta’ lokalitajiet identifikati bħala ż-żoni magħżula kienu jkunu ferm inqas.

Id-dokument tal-MEPA kellu jkun iktar restrittiv u dan billi jillimita l-iżvilupp ta’ bini għoli jew ta’ għoli medju ghal dawk iż-żoni li jeħtieġu riġenerazzjoni. Dan kien ikun ta’ incentiv għall-industrija tal-bini biex din tassorbi u tiżviluppa mill-ġdid bini li għamel żmienu kif ukoll bini ta’ kwalita’ inferjuri li hu sitwat barra miż-Żoni ta’ Konservazzjoni Urbana (UCAs).