Peter Agius inkwetat dwar il-bajd

Id-dibattitu dwar il-ħarsien tal-annimali huwa wieħed importanti dejjem, mhux biss meta jaqbel. Huwa importanti ukoll anke meta ma jaqbilx. Anke meta ninqarsu finanzjarjament.

Il-proposta li qed tinħema biex it-tiġieġ ma jinżammux fil-gaġeġ mhiex waħda ġdida. Li t-tiġieġ ma jinħaqrux hu importanti daqskemm hu importanti li ma jinħaqrux il-klieb u l-qtates u ż-żwiemel! Meta tiġieġa tinżamm ħajjitha kollha f’gaġġa tkun qed tinħaqar.

Fl-industrija diġa hemm min hu konxju ta’ dan u jrabbi t-tiġieġa bi spazju fejn jiġru: free range jgħidulhom. Anke Malta għandna min irabbi t-tiġieġ għall-bajd b’dan il-mod.

Il-proposta teffettwa l-produzzjoni fuq skala industrijali tal-bajd. Fil-prattika tfisser bosta iktar spejjes u jista’ jkun li tagħmilha diffiċli li f’Malta nibqgħu nipproduċu l-bajd fuq skala industrijali . Anke l-prodott jiġi jiswa iktar, madwar id-doppju!

6 bajdied prodotti minn tiġieġ fil-gaġeġ f’Malta bħalissa jixtraw bejn €1.25 u  €1.50. Dawk prodotti minn tiġieġ free-range jiswew madwar €2.25 għal kull 6 bajdied.

Bla dubju l-proposta jkollha effett kemm fuq il-bdiewa li jrabbu t-tiġieġ għall bajd kif ukoll  fuq l-għoli tal-ħajja u dan għax il-prodott li nixtru jiġi jiswa’ iktar.

Irridu pero nifhmu x’qed ngħidu: din hi proposta biex tonqos il-moħqrija tal-annimali. Li qed jgħid Peter Agius hu li għalih f’dawn iċ-ċirkustanzi l-moħqrija tal-annimali hi ġustifikata!

Peter: ma naqblux!

Il-prezz tal-lum tal-bajd li nixtru hu baxx imma jħallsu għalih it-tiġieġ għaliex jinħaqru. Xorta jista’ jkollna l-bajd, imma mingħajr ma jinħaqru it-tiġieġ.

Hemm bżonn ħafna iktar ħidma biex tonqos u possibilment tkun eliminata kompletament il-moħqrija tal-annimali.