Simon jitgħaxxaq b’Toni Bezzina u l-politika onesta

Toni Bezzina + politika onesta

 

Qiegħed attent biex ħadd ma jaqbeż il-linja. Biex iżomm id-dixxiplina u jassigura ruħu li min jiżbalja jieħu dak li ħaqqu. Immedjatament. L-anqas minuta ma jdum! “Barra! Barra!” Kien qalilna.

Hekk kif ir-raġel ta’ Giovanna Debono ittella’ l-Qorti akkużat b’diversi abbużi dwar użu ta’ fondi pubbliċi żamm kelmtu w issospenda lil Giovanna immedjatament.

Għamel l–istess meta is-Sindku ta’ Victoria f’Għawdex Samwel Azzopardi wara li kien involut f’inċident tat-traffiku u irrifjuta li joqgħod għall-breathalyser. Kien sospiż (jew issospenda ruħu) dakinnhar. Imma issa li nstab ħati tneħħiet is-sospensjoni. Din serjetà?

Mela l-mannara għal Giovanna biss?

Hi iktar tal-biki l-qagħda ta’ Toni Bezzina li dwaru hemm l-allegazzjoni serja li uża riżorsi tal-Gvern biex waqt il-ħin tax-xogħol sar xogħol ta’ tibjid fil-Każin Nazzjonalista taż-Żurrieq fl-2012. Bezzina fetaħ żewġ kawżi tal-libell “biex inaddaf ismu” imma dawn il-kawżi tilifhom it-tnejn. Mela ovvjament ismu ma naddfux. U qiesu ma ġara xejn !

Imma bilħaqq issa Toni Bezzina ser jappella. B’hekk itawwal ftit taż-żmien.

Wieħed kellu raġel. Dr Joseph Cassar il-pjikjatra. Meta irrealizza li żbalja, dabbar rasu. Refa fuq spallejh ir-responsabbiltà ta’ egħmilu.

L-aqwa li Simon Busuttil jitgħaxxaq b’Toni Bezzina u l-politika onesta.

Advertisements

Il-bank illegali (f’Malta) u l-awdituri

underground bank 100316

L-aħbar tat-Times illum dwar bank illegali fiz-Żurrrieq hi waħda inkwetanti. Dan il-bank ilu jopera is-snin u ħadd ma nduna b’xejn.

Il-kumpanija li kienet qed topera dan il-bank tul dawn is-snin qed jingħad li ġabret mal-€10 miljun mingħand in-nies li riedu jinvestu u silfithom lil oħrajn.

Tajjeb li issa nstema’ l-allarm, imma, għaliex issa? Għaliex inżamm is-skiet għal dawn is-snin kollha u l-awtoritajiet ma ndumaw b’xejn? Possibli li ħadd ma kien jaf xejn?

Ikun interessanti li xi ħadd jinfurmana jekk l-awdituri ta’ din il-kumpanija qatt irrappurtawx dwar din il-ħidma illegali. Possibli li din il-ħidma tant kienet moħbija b’mod professjonali li qatt ħadd ma nduna b’xejn? Daqsxejn diffiċli biex nemminha din.

Għax jekk din il-ħidma ta’ bank illegali fiż-Żurrieq ħadd ma xamma, l-anqas l-awdituri fuq numru ta’ snin, jiena ma għandix idea kif audit li jsir f’Malta jista’ qatt ixomm pagamenti ta’ commissions li jkunu saru minn xi pajjiż imbiegħed ………… bħal per eżempju l-Azerbaijan.

Għax f’dan il-pajjiż, min irid jaħbi l-affarijiet isibha faċli, anke taħt imnieħer l-awtoritajiet. Aħseb u ara jekk ikunu depositati barra mill-pajjiż, il-bogħod ħafna. Liema audit ser isibhom?

 

Il-każ ta’ Toni Bezzina, Membru Parlamentari tal-PN

Pullicino + Bezzina

Il-gazzetta tal-Partit Laburista, KullĦadd, il-bieraħ ippubblikat storja dwar Toni Bezzina, Perit fid-Direttorat Ġenerali tax-Xogħolijiet (jiġifieri l-Public Works) u Membru Parlamentari tal-PN, elett mill-ħames distrett. L-istorja, skond il-gazzzetta hi ibbażata fuq rapport ta’ inkjesta liema rapport għadu mhux ippubblikat. Ġew ippubblikati biss siltiet selettivi minnu fil-gazzetta tal-Partit Laburista KulĦadd.

Mhux ser noqgħod nistaqsi min ħareġ dan ir-rapport, għax it-tweġiba hi ovvja. Il-partit fil-Gvern jidhirlu li jista’ jieħu vantaġġ politiku minn din il-publikazzjoni u allura ħareġ l-istorja. Xejn ġdid s’hawn. Il-Gvern seta mexa ħafna aħjar kieku ppubblika r-rapport kollu flok partijiet selettivi minnu. Għax qabel il-vantaġġ politiku hemm id-dritt tal-pubbliku li jkun infurmat. It-trasparenza, sfortunatament, mhiex parti mill-vokabolarju ta’ dan il-Gvern.

Il-każ huwa dwar ħaddiema tal-Gvern (mid-Direttorat Ġenerali tax-Xogħolijiet) li kienu mqabbda jagħmlu xi xoghol ta’ manutenzjoni fil-każin tal-Partit Nazzjonalista taż-Żurrieq meta l-Perit Toni Bezzina kien President tal-istess każin qabel l-elezzjoni ġenerali ta’ Marzu 2013. Qed jingħad li x-xogħol sar waqt il-ħinijiet normali tax-xogħol (bil-pagi ovvjament imħallsa mill-Gvern) u probabbilment li intuża ukoll materjal imħallas minn fondi pubbliċi. Qed nifhem li l-Perit tal-Gvern inkarigat minn dawn il-ħaddiema kien ukoll Toni Bezzina.

Hemm ħafna x’jiġi imwieġeb dwar dan kollu.

L-ewwel u qabel kollox ir-rapport għandu jkun ippubblikat kollu mingħajr dewmien mill-Ministru Joe Mizzi li illum huwa responsabbli mid-Direttorat Ġenerali tax-Xogħolijiet.

Wara dan tkun tinħtieġ spjega mill-Ministru ta’ dakinnhar, jiġifieri George Pullicino (illum kelliemi tal-PN għall-Kindergarten). Jeħtieġ li Pullicino jispjega għalfejn dan ir-rapport inħeba. Probabbilment li George Pullicino jagħtina r-risposta tas-soltu, kull meta jkun dahru mal-ħajt: li hu ma kellux x’jaqsam u ma jaf b’xejn. Probabbilment ukoll li jwaħħal fis-Segretarju Permanenti li kellu.

Jekk hemm provi dwar l-abbużi allegati, hemm bżonn ta’ ferm iktar minn spjegazzjoni mingħand Toni Bezzina. Li kieku dan ir-rapport ħareġ qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2013 probabbilment li Toni Bezzina ma kienx jitħalla joħroġ għall-elezzjoni. Min jaf, forsi għalhekk baqa’ mistur dan ir-rapport?

Dan kien jonqsu l-Partit Nazzjonalista fil-Ħames Distrett! Il-Kap tal-Opposizzjoni Simon Busuttil irid jgħaddi mill-kliem għall-fatti.