Fil-Korp tal-Pulizija …………. jew nejja jew maħruqa

Ray-ZammitMalta Police emblem

 

Dan l-aħħar ġranet il-Kummissarju tal-Pulizija ħareġ ċirkulari, ftit ġranet qabel ma’ l-Imħallef Michael Mallia ikkonkluda inkjesta fuq il-familja tal-Mulej (l-ex Deputat Kummissarju tal-Pulizja Ray Zammit u uliedu, żewġ Spetturi, wieħed ex u l-ieħor għadu fil-Korp).

Il-Kummissarju Michael Cassar f’din iċ-ċirkulari talab lill-pulizija kollha, bla eċċezzjoni, biex jinfurmah dwar l-interessi tagħhom kollha (apparti ishma fil-Borża) u b’mod partikolari dwar il-parteċipazzjoni tagħhom f’kumpaniji u impiegi part-time.

Il-Pulizija diġa, skond il-liġi, huma pprojibiti milli jkollhom interessi li jikkonfliġġu mad-doveri tagħhom u allura l-Kummissarju Cassar qed jgħid l-ovvju. Imma xi kulltant naħseb li trid tirrepeti l-ovvju għal ħafna drabi biex uħud jirrealizzaw li anke l-Pulizija huma soġġetti għal-liġi. Dan minkejja li uħud, minnhom. bħall-familja tal-Mulej,  jippretendu li huma l-fuq mil-liġi u li ħadd u xejn ma jista’ għalihom.

Il-Korp tal-Pulizija huwa korp dixxiplinat u allura ma nistax nifhem kif hemm min jippretendi li l-Kummissarju tal-Pulizija m’għandux ikollu l-aħħar kelma dwar x’impiegi part-time jistgħu jaċċettaw membri tal-Korp tal-Pulizja.

Nittama li l-Ispettur tal-Pulizja Sandro Camilleri mill-Union tal-Pulizja ma jippretendix li dawk il-Pulizija li jaħdmu ta’ bouncers fi clubs ġewwa Paceville jibqgħu hemm. La huma u l-anqas suldati li għadhom fis-servizz m’għandhom jitħallew jagħmlu dan ix-xogħol.

Għandu iżda, b’ġustizzja, jingħad li mhux il-Pulizija biss ikunu f’kunflitt ta’ interess f’ċerti impiegi part-time. Hemm diversi uffiċjali oħra fis-settur pubbliku li ma jagħmlulhomx għajb.

Xi ngħidu per eżempju meta jkollok persuna li taħdem id-dwana u fl-off tagħha taħdem part-time ma burdnar?

Hemm bżonn tindifa sewwa, mhux biss fil-Korp tal-Pulizija.

Meta l-“Mulej” jitbissem ……………. lil tal-Mafja

Zammit-ferrari

L-arresti f’Malta u fl-Italja, il-bieraħ, juru kemm pajjiżna, bħal kull pajjiż ieħor wara kollox, huwa taħt theddida.

L-istituzzjonijiet huma taħt theddida mill-kriminalità organizzata. Parti kbira mit-theddida hi l-presenza ta’ persuni bħall-Mulej fl-istituzzjonijiet. Dawn inawwru l-istituzzjonijiet minn ġewwa, tant li meta tfittex, tispiċċa biex ma ssib kważi xejn.

Huma sitta l-kumpaniji konnessi mal-logħob tal-azzard f’Malta li issemmew (bil-pulit gaming industry). Dawn is-sitt kumpaniji f’Malta kellhom il-liċenzji tagħhom sospiżi u l-assi tagħhom sekwestrati. Sitt ċittadini Taljani ġew arrestati u ser ikunu estraditi fil-kuntest ta’ investigazzjoni iktar wiesa’ konnessa mal-Indraghetta, l-organizzazzjoni kriminali ibbażata fil-pajjiż ġar tagħna l-Italia, preċiżment fil-Calabria.

Iktar kmieni, Taljan ieħor ġie arrestat hekk kif kien għadu kif wasal bil-katamaran f’Pozzallo Sqallija direttament minn Malta.

M’hiex sitwazzjoni faċli. Imma issir iktar ikkumplikata meta jkun hemm dubju dwar l-istituzzjonijiet.

Ftit iktar minn xahar ilu il-gazzetti lokali kienu taw pubbliċita lill-fatt li Spettur tal-Pulizija fl-Economic Crimes Unit kellu interessi ta’ negozju fl-industrija tal-logħob tal-azzard. Dan l-istess Spettur tal-Pulizija kien ukoll ġie misluf Ferrari minn ħabib tiegħu fl-industrija.

Huma affarijiet li diffiċli tifhem kif jistgħu jsiru, dejjem sakemm ma tirrealizzawx li meta l-Mulej ikun miegħek, bi tbissima, tista’ tagħmel kważi kollox.

Għax għalkemm dawn l-affarijiet qed joħorġu fid-dawl tax-xemx illum, ilhom jinħmew. Rabbew egħruq fil-fond tul is-snin. B’mod partikolari meta l-Mulej kien imexxi l-Korp tal-Pulizija dawn l-egħruq issaħħu.

M’għandniex wisq biex nistagħġbu b’dak li ġara. Anzi iktar hemm għax ninkwetaw li ma nafux b’iktar. Għax min jaf x’sar u x’hemm għaddej li ma nafux bih.

Ngħiduha kif inhi: jekk il-Mulej ikun miegħek, min jista’ jeħodha kontrik?

 

Il-Mulej lil min iħares?

Ray Mulej Zammit + Manwel Mallia

M’għandi l-ebda dubju li l-parti l-kbira tal-membri tal-Korp tal-Pulizija huma persuni ta’ integrità. Huwa minħabba f’hekk illi dawk li m’humiex (ta’ integrità) jistonaw u jagħmlu iktar ħoss.

F’kull żmien ikun hemm xi problemi fil-forzi tal-ordni f’kull pajjiż. Nisimgħu bihom fl-aħbarijiet. Ġieli jindunaw bihom mill-ewwel u ġieli jdumu ftit. Imma ġeneralment jeżistu strutturi u għodda legali biex il-problemi li toħloq id-dgħjufija umana jkunu iffaċċjati mill-ewwel.

Ankè f’Malta, mhux l-ewwel darba li kien hemm il-problemi fil-Korp. Problemi żgħar li issolvew qabel ma kibru, jew problemi ferm ikbar, bħal meta l-Korp tal-Pulizija kien ikkankrat fi żmien li kien Kummissarju Lawrence Pullicino li kien instab ħati ta’ kompliċità ta’ qtil ta’ persuna li kienet qed tkun interrogata.

Il-Korp tal-Pulizija ankè illum qed jiffaċċja problemi serji.

Li l-kontenut ta’ file personali ta’ fizzjal tal-Korp [l-Ispettur Elton Taliana] jispiċċa għand il-gazzetta meta l-istess file kien fl-uffiċċju tal-Kummissarju tal-Pulizija  huwa inkwetanti. Għax kif tista’ tispjega dan in-nuqqas ta’ sigurtà minn l-iktar kamra f’Malta li suppost hi sigura?

Dan l-istess bħal meta f’Diċembru li għadda r-recordings tat-teatrin bejn l-Aġent Kummissarju Raymond Zammit,  magħruf fil-Korp bħala l-Mulej, mill-Control Room tal-Korp spiċċaw għand il-Partit Nazzjonalista!

Issa ġiet ippubblikata storja oħra inkwetanti iktar minn dan kollu.

Il-familja tal-Mulej qed jingħad li hi azzjonista f’kumpaniji kummerċjali mal-familja ta’ persuna li hi taħt investigazzjoni fuq qtil li sar f’Ħal-Qormi xi snin ilu. Biex tgħaxxaqha, wieħed minn ulied il-Mulej, li sa ftit ilu kien ukoll spettur fil-korp [qabel ma sab xortih temporanjament fil-Korporazzjoni Enemalta] suppost li kien l-uffiċjal prosekutur f’dan il-każ.

Jekk il-Mulej fil-Korp ittollera (u kien parti hu u ta’ madwaru) dawn il-ħniżrijiet mhux ta’ b’xejn li ftit li xejn hemm fiduċja fil-Korp.

Kif ngħidu, l-ħuta minn rasha tinten, minn ras il-Mulej! F’dawn iċ-ċirkustanzi m’għandi l-ebda dubju lil min iħares il-Mulej. Żgur li mhux lilek, sieħbi.