Min ser jiddefendina mill-Pulizija li jabbuża?

DARIO FO

DARIO FO

Taliana IDPC

 

Qiegħed naqra u nisma’ dwar id-deċiżjoni tal-Information and Data Protection Commissioner dwar kif informazzjoni kunfidenzjali mill-files tal-Pulizija spiċċat f’idejn il-gazzetti.  Dario Fo kien ikollu xalata b’din l-informazzjoni, dwar kif il-Pulizija titfa’ l-ġebla u taħbi idha.

Għax l-iktar punt interessanti li qed joħroġ, għalija, hu: kif il-protezzjoni tas-sorsi jispiċċa protezzjoni tal-abbuż tal-poter.

L-istorja dwar il-pubblikazzjoni tar-records kunfidenzjali tal-Pulizja dwar l-Ispettur Elton Taliana hi tat-tkexkix.

L-Independent illum tgħidilna li kien il-Kummissarju tal-Pulizija (Peter Paul Zammit) innifsu li għadda l-informazzjoni lill-Malta Today. It-Times min-naħa l-oħra hi iktar kawta u tgħidilna li meta ħarġet l-informazzjoni l-file in kwistjoni kien fl-uffiċċju tal-Kummissarju Peter Paul Zammit.

Il-gazzetti huma protetti milli jikxfu s-sors tal-informazzjoni li jirċievu. Dan hu tajjeb għax hu neċessarju li l-ġurnaliżmu serju u investigattiv ikun protett.

Dak li jippubblikaw il-gazzetti jirrifletti l-valuri li jħaddnu dawk li jmexxuhom. F’dan il-każ il-Malta Today iktar tat piz lill-aħbar dwar x’għamel jew m’għamilx l-Ispettur Elton Talana mill-aħbar ikbar li xi ħadd imlaħħaq fil-Korp tal-Pulizija bla skrupli ta’ xejn dehrlu li kellu jikxef informazzjoni kunfidenzjali li l-Korp kellu f’idejh.

Jekk anke l-Pulizija huma fl-ixkora, min ser jiddefendi liċ-ċittadin mill-abbuż meta l-gazzetta, biex tipproteġi s-sors tal-informazzjoni  tagħha tostor lil min jabbuża?

Advertisements

Wara l-każ Norman Vella: min qiegħed imexxi l-korp?

Silvio Scerri + Peter Paul Zammit

Li l-Pulizija jinvestigaw suspett ta’  reat hu sewwa.  Imma li wara li teżamina l-affarijiet u ma issib xejn tibqa’ tippersisti mhux sempliċi żball iżda abbuż.

Is-sentenza tal-Maġistrat il-lejla illi ma kien hemm l-ebda suspett raġjonevoli li Norman Vella wettaq xi reat hu ċertifikat ċar li l-Pulizija abbużat mill-poteri tagħha.

Huwa inkwetanti  li l-Pulizja sa dal-għodu, fi kliem il-Kummissarju tal-Pulizija, kienu għadhom qed jinvestigaw xi ħaġa li ma kienitx teżisti.

Wara s-sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati hemm bżonn li l-Kummissarju tal-Pulizija jispjega ftit x’ġara. Jeħtieġ li jispjega x’rapporti saru u x’ser jagħmel issa li irriżulta li r-rapporti li l-Pulizija irċeviet mingħand żewġ persuni identifikati  kienu rapporti foloz.

Sfortunatament minn dan il-każ jidher ċar li dan m’huwiex każ ta’ inkompetenza imma iktar każ ta’ abbuż.

Ikun tajjeb jekk il-Kummissarju tal-Pulizija Peter Paul Zammit jirrealizza li b’dan il-każ li sar taħt it-tmexxija tiegħu tal-Korp tal-Pulizija beda jkun ċar li l-korp m’huwiex immexxi sewwa.

Il-mistoqsija li tagħha tinħtieġ tweġiba hi: min qiegħed imexxi l-korp fir-realta’? Żgur li mhux Peter Paul Zammit ! 

Bla dubju l-abbuż ikompli.

Prosit Norman.

Fir-Repubblika tal-Banana ……………..għandna ukoll Parlament

monkey_banana

Fil-Parlament il-lejla l-Ispeaker Anġlu Farrugia ta’ ruling fuq każ ta’ ksur ta’ privileġġ li Joseph Muscat Prim Ministru ressaq kontra Simon Busuttil Kap tal-Opposizzjoni.

Muscat ħassu offiż li l-bieraħ, fil-Parlament, Busuttil qal li kien hemm indħil politiku minn Muscat fil-każ tal-pulizija fil-konfront ta’ John Dalli.

L-Ispeaker Farrugia ikkonkluda li kien hemm ksur ta’ privileġġ. L-Opposizzjoni telqet il-barra wara li Mario de Marco qam fil-Parlament u qal li r-ruling tal-Ispeaker ifisser illi l-Membri Parlamentari ma jistgħux jaslu għal konklużjoni politika dwar dak li jkun għaddej.

Naħseb li l-Membri Parlamentari qed jaġixxu qieshom tfal żgħar.

Muscat messu qam u spjega għaliex Busuttil wasal għal konklużjoni żbaljata, jekk inhu l-każ.  Il-fatt li dan m’għamlux ifisser li jħossu skomdu jidħol f’dan l-argument. Għax dak li qal Simon Busuttil hi konklużjoni li waslu għaliha ħafna nies hemm barra fit-triq.

Hija l-perception tan-nies.  L-istess perception li tul is-snin wasslet in-nies biex tikkonkludi li dan hu pajjiż korrott.  Jekk tistaqsi għall-provi ħadd ma jagħtihomlok. Mhux ser issibhom imma hekk taħseb in-nies.

Meta tara l-mod kif tkellmu kemm il-Kummissarju tal-Pulizija tal-lum Pietru Pawl  Zammit kif ukoll il-Kummissarju ta’ ftit ilu John Rizzo bil-fors tasal għal konklużjoni li hemm xi ħaġa m’hiex f’postha. Kif jista’ l-Kummissarju Rizzo jasal għal konklużjoni mod u wara ftit il-Kummissarju Zammit jasal għall-konklużjoni mod ieħor? It-tnejn qalu li qabel magħhom l-Avukat Ġenerali tar-Repubblika, avolja dak li fil-fatt qal l-Avukat Ġenerali tar-Repubblika s’issa ma jafu ħadd hlief Rizzo u Zammit!

Qiesna f’Repubblika tal-Banana.

Il-logħba ta’ Muscat hi waħda perikoluża u għalkemm ma naqbilx li hemm xi theddida għad-demokrazija kif qiegħed jgħid il-PN qed tinħoloq klima ta’ sfiduċja li fit-tul tista’ twassal għal konsegwenzi gravi.

Il-Gvern qed jieħu għalih bil-kritika u flok ma jwieġeb u jispjega juża l-ksur tal-privileġġ, metodu mhux adatt għas-seklu 21.

L-Opposizzjoni min-naħa l-oħra minflok ma tirreaġixxi bil-kalma bl-iskop li tesponi b’mod intelliġenti l-Gvern għal dak li hu, issabbat saqajha u titlaq il-barra.

L-anqas li kien Parlament tat-tfal ma jimxi b’dan il-mod.

Fir-Repubblika tal-Banana għandna ukoll Parlament!

Repubblika tal-Banana fil-Mediterran

800px-Banana_republic_svg

John Rizzo li sa Marzu 2013 kien il-Kummissarju tal-Pulizija jgħidilna fil-Qorti li hu kien iddeċieda li kien hemm biżżejjed provi biex itella’ lil John Dalli l-Qorti dwar il-każ oriġinalment investigat mill-OLAF in konnessjoni mat-taħwid u t-tixħim koness mal-industrija tat-tabakk.

John Rizzo jgħid ukoll li dwar dan kien qabel miegħu l-Avukat Ġenerali tar-Repubblika.

Il-Kummissarju tal-Pulizija l-ġdid Peter Paul Zammit l-ewwel qalilna li wara li studja sewwa l-każ hu tal-fehma li ma hemmx każ kontra John Dalli. Imbagħad qalilna li l-każ għadu mhux magħluq. Interessanti li s-Sur Peter Paul Zammit ukoll qalilna li l-Avukat Ġenerali jaqbel miegħu!

Tajjeb pero li qatt ma smajna x’qal verament l-Avukat Ġenerali. S’issa nafu biss x’qal ħaddieħor dwaru.

Qiesna qed ngħixu f’Repubblika tal-Banana fil-Mediterran.  L-opinjonijiet legali jiddependu fuq min ikun fil-Gvern. Hemm każ jew  m’hemmx każ?