Fis-skiet, l-ikbar risposta

Wara Xarabank, nhar il-Ġimgħa l-Kbira:

Bosta segwew fis-skiet il-ġenerositá li tfur minn qalb il-poplu Malti, mhux darba, mhux tnejn, imma kull darba li jkun hemm l-iċken ħtieġa.

Il-mistoqsija urġenti mhiex dwar minn fejn ġejjin l-għotjiet – għax dwar dan ikun hemm ċans li wieħed jgħarbel u jistaqsi.

Iktar għandna nfittxu t-tweġiba dwar għalfejn, sena wara l-oħra, min għandu bżonn l-għajnuna jibqa’ dipendenti fuq il-karitá.

Fis-skiet ukoll nistaqsi : għaliex m’hawnx iktar ħeġġa biex naffrontaw it-tniġġiż ta’ kull xorta li bla dubju kontinwament jagħti l-ikbar kontribut fit-tkattir tal-mard u tal-ħolqien ta’ kundizzjonijiet li jwasslu iktar nies ta’ kull eta qrib il-mewt. Dan f’numri li qegħdin dejjem jiżdiedu.

Mhux kulħadd jista’ jgħid li qed jagħmel ħiltu kollha.

Fis-skiet infittxu risposta mingħand dawk kollha li qed jippuppaw sidirhom bħalissa, u matul it-364 jum l-oħra tas-sena jkunu siekta fil-konfront tal-qerda ambjentali madwarna, l-kawża ta’ daqstant mard u mewt.

Il-ġrieden f’Xarabank

Peppi Azzopardo

Xarabank il-bieraħ kien programm dwar il-ġrieden, wisgħat u xi cockroach. Dwar nies li jibżgħu minnhom u li permezz ta’ ipnożi ġew meħlusa minn dawn il-biżgħat.

Meta fil-pajjiż għaddejja din il-kontroversja kollha dwar Konrad Mizzi u l-imġieba suspettuża tiegħu kont nistenna li Xarabank jitkellem dwar ġrieden oħra.

 

Marthese u l-ispaghetti

Marthese Portelli + spaghetti

Marthese Portelli l-kelliema tal-PN dwar l-ambjent tidher inkwetata ħafna li l-impatt tal-Università Amerikana fiż-Żonqor ser ikun fuq il-prezz tal-għaġin. Hekk qalet il-bieraħ f’Xarabank!

Din jidher li hi l-politika ambjentali ġdida tal-PN.

Tal-biki! B’dan it-tip ta’ kelliema naħseb li l-Kabinett Nazzjonalista li jmiss għad irid jitwieled! 

Xarabank u r-referendum dwar il-kaċċa : dawk li għadhom ma ddeċidewx jekk jivvutawx

Xarabank

Nhar il-Ġimgħa 6 ta’ Frar ġie ippubblikat is-survey li ikkummissjona Xarabank dwar kif jaħsbuha l-votanti Maltin fuq ir-referendum dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa.

Ir-rapport jikkonkludi li 14.3% qalu li għadhom ma iddeċidewx jekk hux ser jivvutaw.

Meta iktar kmieni fis-survey dawn kienu mistoqsija x’inhi l-opinjoni tagħhom dwar il-kaċċa, dawn, fil-maġġoranza tagħhom qalu li ma jaqblux mal-kaċċa. Għad baqa’ ħafna xogħol xi jsir biex jivvutaw skond dak li jemmnu.

Xarabank.dont know

Xarabank u r-referendum dwar il-kaċċa : il-vot tan-Nisa

Xarabank

 

Nhar il-Ġimgħa 6 ta’ Frar ġie ippubblikat is-survey li ikkummissjona Xarabank dwar kif jaħsbuha l-votanti Maltin fuq ir-referendum dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa.

Ir-rapport jikkonkludi li l-maġġoranza kbira tan-nisa (62%) ma jaqblux mal-kaċċa, filwaqt li maġġoranza żgħira tal-irġiel jaqblu (52.8%).

Xarabank.female vote

 

80.4% deċiżi li jivvutaw

Xarabank Survey

In-nies, bil-mod qed tifhem li l-kaċċa fir-rebbiegħa għandha tispiċċa darba għal dejjem.

Is-survey ta’ Xarabank ippubblikat il-bieraħ juri appoġġ li qed jiżdied. 44.7% jgħidu LE u 35.7% jgħidu IVA. Għad baqa xahrejn u l-affarijiet jistgħu jkomplu jinbidlu.

Survey ta’ dan ix-xorta huwa ritratt validu fil-mument li ittieħed. Huwa ritratt tal-opinjoni tan-nies kif qed tiżviluppa f’din il-kampanja dwar dan ir-referendum abrogattiv.

Meta tqabblu mas-survey pubblikat mill-Malta Today nhar il-Ħadd li għadda is-survey ta’ Xarabank juri ċaqlieq fil-fehma tan-nies. Qed jonqsu dawk li lesti jappoġġaw il-kaċċa fir-rebbiegħa. Dan jista’ jkun li jfisser li n-nies qed issegwi id-dibattitu b’attenzjoni u qed tirreagixxi għal dak li qed tisma’.

Punt ieħor posittiv ħafna li jirriżulta minn dan is-survey hu li avolja għad baqa’ xahrejn 80.4% tal-votanti huma deċiżi li jmorru jivvutaw. Dan ukoll huwa żieda fuq dak li kien ikkonkluda is-survey tal-Malta Today. Jidher ċar li l-Maltin iridu jieħdu sehem fid-deċiżjonijiet li jeffettwawhom.

 

Toni Abela f’Xarabank

Toni Abela

Waqt Xarabank tal-bieraħ il-Ġimgħa suppost li ġie diskuss il-każ Manwel Mallia.

Għal diversi drabi waqt il-programm Toni Abela Deputat Mexxej tal-Partit Laburista għoġbu jsemmi dak li ktibt jiena dwar il-każ. Għandu kull dritt li jagħmel dan, għax dak li nikteb jiena fuq dan il-blog huwa pubbliku u kulħadd għandu dritt jikkummenta u jikkritika dak li nikteb dwaru.

Minn dak li qal Toni Abela kien ovvju li qed jirreferi għall post intitolat Lil hinn minn Manwel Mallia.

Toni Abela ikkwota ftit b’mod żbaljat mill-post tiegħi tant li min semgħu seta fehem li jiena għidt affarijiet ħafna differenti minn dak li fil-fatt għidt.

Naħseb li tajjeb illi nfakkar illi dwar il-każ ktibt mat-13-il post fuq dan il-blog. Repetutament argumentajt li kien ikun għaqli għal Manwel Mallia kieku irreżenja mill-ewwel ma sbieħ l-20 ta’ Novembru 2014, mhux għax għamel xi ħaġa ħażina imma biex jerfa’ ir-responsabbilta’ politika għall-persuni ta’ fiduċja (persons of trust) li kellu madwaru. Hekk jagħmlu l-politiċi serji.

Il-Partit Laburista permezz tal-mexxej tiegħu żbalja meta dam biex iddeċieda x’għandu jagħmel. Għax il-konklużjoni tal-inkjesta mit-tlett imħallfin ma iddeterminatx ir-responsabbilta politika. Fiċ-ċirkustanzi imma l-inkjesta ħasset il-ħtieġa li tfakkar kemm lill-PN kif ukoll lill-PL li għandhom ħabta kif meta jkunu fl-Opposizzjoni jitkellmu favur il-ħtieġa li jqegħdu fil-prattika kultura ta’ responsabbilta politika imma hekk kif ikunu fil-Gvern jinsew kollox. Dwar dan Toni Abela ġustament qal waqt Xarabank li l-inkjesta ġibdet widnejn iż-żewġ partiti.

Fil-waqt li l-Gvern dam ħafna biex iddeċieda, huwa tajjeb li nirrikonoxxu illi d-deċiżjoni li Manwel Mallia jispiċċa minn Ministru kienet deċiżjoni tajba. Imma l-fatt li damet ħafna ma ittieħdet kien żball li kompla għamel il-ħsara lill-politika f’Malta.

M’għandix dubju li Toni Abela jaqbel ma dan ukoll. Imma dan x’naħseb jien!

Biex leħen l-Alternattiva Demokratika jinstema fuq NET u ONE

Broadcasting Authority-Malta

Alternattiva Demokratika talbet lill-Awtorita’ tax-Xandir biex tassigura li leħen AD jinstema fuq ix-xandir pubbliku viżiv matul il-kampanja elettorali li ser tibda għada. Dwar dan qed nistennew risposta mingħand l-Awtorita’ tax-Xandir forsi ma jibqax ikollna programmi bħal Xarabank li jagħti 50 minuta lill-PN, 50 minuta lill-PL u lill-AD l-mizerja ta’ 8 minuti. Forsi ma nibqgħux bi programmi bħal Dissett li jistieden biss lill-PN u lill-PL u mingħandna jieħu kumment qasir rrekordjat. Jew program bħal Bondi+ li jidhirlu li ġeneralment għandu jinjorana.

Żmien ilu Alternattiva Demokratika kienet għamlet l-istess talba fil-konfront tal-istazzjonijiet l-oħra  tat-TV. L-Awtorita tax-Xandir dakinnhar kienet ħarġet direttiva dwar dak li għandhom jagħmlu l-istazzjonijiet tat-TV inkluż dawk politiċi.

Fil-fatt nhar is-6 ta’ Frar 2012 l-Awtorita’ tax-Xandir kienet iddeċidiet dwar ilment imressaq minn Alternattiva Demokratika billi :

  1. Ikkonkludiet li waqt kampanja elettorali, wara li jkun ħareġ ir-writ,  ta’ l-inqas darba fil-ġimgħa fuq NET TV u ONE TV  fi programmi ta’ diskussjoni li fihom ikun hemm rappreżentanti ta’ partiti oħra għandu jkun mistieden rappreżentant ta’ AD u
  2. L-istazzjonijiet l-oħra kollha għandhom jistiednu rappreżentant ta’ AD kull meta jiddiskutu temi ta’ natura politika jew public policy waqt kampanja elettorali.

Nistennew ħalli naraw kif l-Awtorita’ tax-Xandir ser timplimenta din id-direttiva tagħha fuq in-NET u l-ONE.

Wara Xarabank li ma sarx …………..

Xarabank

Il-bieraħ fil-għaxija kont mistieden għall-programm Xarabank biex fid-dibattitu bejn Simon Busuttil u Anġlu Farrugia ngħaddi xi kummenti.

Qed ngħid ngħaddi xi kummenti għax fil-programm kont ser nipparteċipa u inkun allokat massimu ta’ 8 minuti għal xi tlett interventi bħalma xi ġimgħat ilu kien allokat Michael Briguglio fid-dibattitu bejn il-mexxejja tal-PN u l-PL.

Alternattiva Demokratika m’għandiex l-istazzjon tagħha u allura m’għandiex għażla dwar x’tista’ tagħmel f’dawn iċ-ċirkustanzi, tiddependi kompletament fuq il-ħin offrut. Anke jekk dan ikun allokat b’mod li fil-fehma tagħna jkun inġust. Il-Partiti l-oħra min-naħa l-oħra għandhom kemm l-istazzjon televiżiv tagħhom kif ukoll iridu sehem mill-ħin fuq l-istazzjon nazzjonali.

Il-farsa li żviluppat fil-ħin li kellu jibda Xarabank il-bierah hi issa magħrufa. Franco Debono ried li jkollu l-opportunita li jiddibatti ma Simon Busuttil. Il-motiv ewlieni għal dan hu li matul il-ġimgħat u forsi anke matul ix-xhur li għaddew inżamm il-bogħod mill-istudios konnessi mal-PBS. Tas-Super One ovvjament jippruvaw jagħsru  li jistgħu għall-vantaġġ massimu li jippermettu ċ-ċirkustanzi. Tan-NET iqiesuh irrelevanti.

F’pajjiż fejn il-ġurnaliżmu investigattiv jirrenja, l-istazzjonijiet televiżivi kien ikollhom minjiera ta’ informazzjoni x’jesploraw fi Franco Debono.  Imma dan ftit li xejn sar sfortunatament. Għax il-ġurnaliżmu fil-pajjiż hu prinċipalment wieħed motivat minn aġenda politika. Ħafna drabi b’mod li tidher, xi drabi mlibbsa b’mod li hi taparsi indipendenti. F’xi każi indipendenti ftit, xi kultant ftit iktar.

Franco hu bniedem taħt assedju u fil-fehma tiegħi iħoss li billi ma ikkonformax mas-sistema din ippruvat toħonqu. Nifhem dak li jħoss għalkemm naħseb li ma użax il-metodi addattati. Il-konsegwenza hi li hu inħaraq u probabilment li ser jinħarqu miegħu dawk kollha li matul din il-leġislatura xelfu xi ftit difrejhom mat-tmexxija tal-PN.

Pero’ l-istorja ma naħsibx li tieqaf hawn. Kulħadd naħseb li tgħallem xi ħaġa minn dak li ġara fil-Parlament matul dawn il-5 snin. Mhux biss minn dak li qal u għamel Franco, iżda ukoll minn dak li għamel JPO. (Lil Mugliett ma nsejtux. Ma semmejtux għax ma kienx persuna li ħadet xi inizzjattiva. Pjuttost mexa mal-kurrent. Għamel numru ta’ diskorsi parlamentari tajbin. Wieħed minnhom kien dwar l-ismart meters. Kien diskors studjat u ippreparat.)

Hi ħasra li daqstant enerġija inħliet meta setgħet faċilment intużat b’mod ħafna iktar pożittiv.