Time 2BFrank

In-negozjati dwar il-bejgħ/kiri tal-isptar St Philip’s ftit li xejn hu magħruf dwarhom. Għax saru fil-kwiet u ħlief lejn l-aħħar ftit li xejn kien hemm paroli dwarhom. Hu diffiċli ħafna li issib informazzjoni. Imma ftit sibt ukoll.

Nhar l-4 t’Ottubru 2012  t-Tribunal Għat-Talbiet iż-Żgħar taħt id-direzzjoni tad-Dottoressa Yana Micallef Stafrace tat deċiżjoni fit-talba numru 1515/2010 bejn żewġ kumpaniji: Icon Studios Limited (C 26538) u Golden Shepherd Group Limited (C 14949). Ta’ l-ewwel kienet rappreżentata mill-Avukat Ġeġe Gatt iben Austin Gatt. Tat-tieni rappreżentata mis-CEO tal-Isptar St Philip’s, t-Tabib Frank Portelli.

Il-każ kien dwar ammont żgħir (€1663.80) li Ġeġe ried lill-Frank iħallas ta’ xogħol fuq website li kien għamillu wara li kienu iltaqgħu u ftehmu dwar dan fil-Lukanda Westin Dragonara nhar it-23 ta’ Diċembru 2009! Id-deċiżjoni kienet favur Ġege. Frank kien ordnat iħallas l-€1663,80 bl-interessi.

Ta’ interess fid-deċiżjoni hemm dan il-paragrafu enumerat bin-numru 7 :

“Wasalna fl-1 ta’ Marzu 2010 ……………… u Dr. Portelli qed isemmi n-negozjati li kellu mal-Gvern li kienu ilhom għaddejjin għal-18-il xahar u li kien għadu jittama f’konkluzjoni.”

Mela issa nafu li in-negozjati bdew madwar sitt xhur wara l-elezzjoni ta’ Marzu 2008 u 18-il xahar wara (f’Marzu 2010) kienu għadhom għaddejjin.

In-negozjati bdew sitt xhur wara l-elezzjoni tal-2008.

Nafu x’kien l-impenn ta’ Frank fl-2008 f’Villa Arrigo jassisti lil Gonzi fil-ġirja tiegħu wara n-nagħaġ li intilfu!

Fid-dawl ta’ dan kolli l-Gvern għandu obbligu ikbar li jwieġeb ħafna mistoqsijijiet dwar l-isptar St Philips. Hemm bżonn ta’ tweġibiet ċari dwar kemm l-isptar St Philips jaqdi l-ħtiġijiet tad-Dipartiment tas-Saħħa u kemm ġew meqjusa sewwa l-alternattivi.

Fl-assenza ta’ tweġibiet ħadd m’għandu jagħti tort lill-ħadd li jikkonkludi li l-ftehim li jidher li huwa konkluż huwa ħlas minn fondi pubbliċi għall-ħidma f’Villa Arrigo fl-interess tal-Partit Nazzjonalista lejlet l-elezzjoni ġenerali ta’ Marzu 2008.

L-Awditur Ġenerali għandu jeżamina sew x’ġara.

Il-Parlament għandu bżonn jistenbaħ ftit!

Its time 2BFrank.