Ir-rapport GRECO dwar Malta u l-interċettazzjoni tat-telekomunikazzjoni

Ġie ippubblikat ir-rapport GRECO intitolat FIFTH EVALUATION ROUND Preventing corruption and promoting integrity in central governments (top executive functions) and law enforcement agencies. Malta.

Hemm diġa numru ta’ rapporti fil-gazzetti online dwar dan ir-rapport.

Għalissa ser nillimita ruħi għal kumment wieħed.

Ir-rapport GRECO fil-paragrafu 108 tiegħu jitkellem dwar is-servizzi tas-sigurtà u li dawn biex jinterċettaw it-telekomunikazzjonijiet kullma jeħtieġu hu awtorità mingħand il-Prim Ministru jew il-Ministru tal-Intern. Ir-rapport jiddeskrivi il-kontrolli minimi li hemm fil-liġijiet Maltin dwar dik li prattikament hi awtorità kważi assoluta tal-politiċi li jagħtu permess biex ikun possibli li issir interċettazzjoni (tapping) tat-telekomunikazzjoni mingħajr l-ebda kontroll tal-awtoritajiet gudizzjarji.

Il-ġlieda kontra l-kriminalità, jgħidilna r-rapport GRECO trid tirrispetta d-drittijiet fundamentali. Il-kliem preċiż użat huwa dan :
“Malta needs to provide for a proper system of checks and balance, as well as a balance between the needs of an effective fight against corruption (and other forms of serious crime) and the preservation of fundamental rights. The recommendation from the first evaluation remains largely pertinent and it is to be reiterated. GRECO recommends that i) legislation be issued giving criminal investigation bodies the authority to seek and use special investigative techniques (such as wiretaps and other similar measures) in the investigation of corruption offences, empowering the judicial authority to authorise their use, and making the evidence obtained thereby admissible in court, while respecting the case law of the European Court of Human Rights and that ii) it be made clear to all authorities involved in the investigation of corruption that the evidence lawfully obtained by such means is admissible evidence in court.”

Alternattiva Demokratika tapprezza l-fatt li r-rapport GRECO qed tiffoka fuq dan in-nuqqas kbir fil-liġijiet Maltin li jagħti poteri żejda lill-politiċi liema poteri jistgħu jintużaw ħażin.

Però huwa xieraq li nfakkar li din il-preċiża proposta Alternattiva Demokratika diġa għamlitha fil-Manifest Elettorali tal-elezzjoni tal-2017 fejn għidna hekk: “L-istituzzjonijiet kollha jingħataw iktar riżorsi biex ikun possibbli li jissaħħu u dan biex il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u favur il-governanza tajba tkun waħda totali. Bħala riżultat ta’ hekk ikunu jistgħu jrabbu s-snien biex ikunu jistgħu jieqfu lil Gvern li jitħajjar jaqbad it-triq tal-korruzzjoni u li ġeneralment irabbi l-għeruq u jixxettel billi l-ewwel u qabel kollox idgħajjef l-istituzzjonijiet.
Hemm bżonn ukoll li l-ħidma tal-istituzzjonijiet tkun taħt l-iskrutinju tal-maġistratura u dan biex ikun iktar possibbli illi l-kompliċità bejn il-politiku u l-istituzzjonijiet kompromessi tinqabad mill-ewwel.
Eżempji ta’ x’jista’ jsir f’dan ir-rigward huma r-rapporti tal-FIAU li preżentement jgħaddu għand il-Kummissarju tal-Pulizija u preżentment huwa hu li jiddeċiedi jekk jipproċedix b’investigazzjoni jew le. Ikun iktar għaqli li r-rapporti tal-FIAU jgħaddu għand il-Maġistrat tal-Għassa.
L-istess għandu jingħad għas-setgħa li għandu l-Ministru tal-Intern li jawtorizza
l-interċezzjoni tat-telekomunikazzjonijiet. Dan m’għandux jibqa’ jsir minn politiku, iżda għandu jibda jsir taħt l-awtorità tal-Qorti.” (Alternattiva Demokratika: Vot Alternattiv Vot Nadif. Manifest Elettorali 2017)

Vot lill-Alternattiva Demokratika : kontra x-xewqa tal-bulijiet

 

 

Mela skond in-Nazzjonalisti, vot għal Alternattiva Demokratika hu vot għall-Labour. Diska antika ħafna din, li smajniha fil-kampanja elettorali tal-2008 ukoll.

Issa jidher li tħajjar il-Partit Laburista ukoll. Għax il-bieraħ, fl-Imqabba Joseph qalilhom li  vot għal Alternattiva Demokratika hu vot għall-PN. [Il-kliem eżatt kien li vot għal xi partit li mhux il-Partit Laburista hu vot għal Simon Busuttil.] 

Qiesu qed jgħidulna li vot għal Alternattiva Demokratika hu three in one.

Issa għiduli inthom kif jista jkun li vot għal Alternattiva Demokratika jkun vot għall-PN u l-PL fl-istess elezzjoni?

Imma dawn bħalissa qed jagħmluha tal-bullijiet jippruvaw jintimidaw għax it-tnejn għandhom l-għatx.

Qatt daqs illum ma kienet għażla daqshekk ċara u bsaħħitha, vot għal-Alternattiva Demokratika. Vot favur l-indafa u kontra l-korruzzjoni.

Vot Alternattiv, vot nadif.  

Vot Alternattiv Vot Nadif

 

 

Il-politika nadifa ma tiġx mix-xejn. Jeħtieġ li naħdmu għaliha kuljum. Lejl u nhar.

Vot alternattiv hu vot favur l-indafa u kontra t-tniġġis ta’ kull xorta. Tniġġis tal-ħajja pubblika minn nuqqas ta’ tmexxija tajba u korruzzjoni. Hu ukoll vot kontra t-tniġġis ambjentali li daqqa jeqred il-ħajja, u drabi oħra jtappan u jnaqqas il-kwalità tal-ħajja tagħna lkoll.

Vot alternattiv hu vot favur l-indafa fil-ħajja pubblika kif ukoll vot favur il-ħarsien tal-ambjent.

Din il-kampanja elettorali qed isseħħ fi tmiem leġiżlatura ta’ erba’ snin li wriet kemm l-istituzzjonijiet tal-pajjiż huma dgħajfa. Huma dgħajfa tant li ma jistgħux jintervjenu kontra l-abbuż li jikber, fl-istess ħin li jkompli jherri dak li baqa’ mill-istituzzjonijiet.

L-istituzzjonijiet ħafna drabi jaħdmu fuq l-affarijiet sempliċi u ordinarji ta’ kuljum imma mbagħad huma dgħajfa fil-konfront ta’ abbuż li jew isir mill-istat inkella minn dawk li l-istat irid jipproteġi.

Fid-dawl ta’ dan, l-indafa hi l-aġenda tagħna. Hi agenda li tibni mill-ġdid jew issaħħaħ l-istituzzjonijiet u tagħti lura d-dinjità lill-pajjiż billi tistabilixxi mill-ġdid l-indafa fil-ħajja pubblika bħala valur imfittex u mixtieq. Hi aġenda li tfittex li tirrestawra s-serjetà fil-ħajja pubblika u l-indafa madwarna fit-toroq, fl-arja, fl-art u fil-baħar.

Idejn indaf fuq it-tmun tal-pajjiż. Nifs b’arja friska u nadifa. Ilma li nixorbu li jkun ċar u nadif. Ikel li ma jkunx ikkontaminat.

(Din hi l-introduzzjoni tal-Manifest Elettorali ta’ Alternattiva Demokratika 2017. Il-Manifest sħiħ tista’ taqrah hawn.)