Il-Volkswagen f’Malta: qiesu ma ġara xejn

MCCA.150925

Fid-dinja kollha kulħadd sema bl-iskandlu tal-Volkswagen. Kif ġie imbgħabas l-apparat tal-kontroll tal-emissjonijiet ta’ diversi mudelli ta’ karozzi tul dawn l-aħħar sitt snin.

F’diversi pajjiżi l-awtoritajiet kompetenti qed jieħdu passi biex jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi li ġew imqarrqa.

F’Malta l-awtorità responsabbli għall-konsumatur iżda hi friska bħal ħassa.

Jidher li qiesu ma ġara xejn.

Kemm hawn minn dawn il-karozzi fit-toroq tagħna? X’passi ser jittieħdu?

Mhux biss l-awtorità hi siekta. Anke l-Ministru Helena Dalli ma jidhirx li tniffset.

Anke l-Awtorità dwar it-Trasport. Għaliha ukoll qiesu ma ġara xejn.

 

L-iskandlu tal-Volkswagen

Volkswagen. Das Cheater

 

Id-dettalji tal-iskandlu tal-Volkswagen  fl-iStati Uniti tal-Amerika għadhom ħerġin. L-istorja kollha, forsi, għadha mhux magħrufa s’issa.

Jidher li dan l-iskandlu jinvolvi madwar nofs miljun karozza li taħdem bid-diesel (qed issemma ukoll iċ-ċifra ferm ikbar ta’ 11-il miljun karozza) kif ukoll żieda ta’ madwar miljun tunellata ta’ emmissjonijiet ta’ NOx li jniġġzu l-arja u li  fil-parti l–kbira tagħhom huma ta’ ħsara għas-saħħa.

Dan jidher li seħħ minħabba li diversi karozzi prodotti mill-kumpanija Volkswagen kellhom apparat elettroniku stallat li kien inaqqas it-tniġġiz meta l-karozzi jkunu qed jiġu ittestjati liema apparat iżda ma kienx jaħdem f’ħin ieħor. Jidher li l-logħba kienet permezz ta’ software li kien istallat biex meta l-karozza tkun qed tiġi misjuqa b’mod normali l-kontrolli tal-emmissjoniiet kienu jintfew awtomatikament b’mod elettroniku. Dawn il-kontrolli iżda, kienu jerġgħu jinxtegħlu awtomatikament meta jkun għaddej xi test tal-emmissjonijiet.

Il-karozzi effettwati, mudelli li jaħdmu bid-diesel li ġew immanifatturati bejn l-2009 u l-2015 jidher li huma VW Jetta, Beetle u Golf, il-mudell Passat tal-2014-15, u l-mudell Audi A3 ta’ bejn l-2009 u l-2015.

Volkswagen qed tikkalkula li dan l-iskandlu ser jiswielha €6.5 biljuni fi ħsarat u possibilment mat-$18-il biljun f’multi fl-iStati Uniti tal-Amerika fejn ġie identifikat dan l-abbuż. Dan aparti multi f’pajjiżi oħra, kif ukoll, possibilment, proċeduri kriminali kontra d-diriġenti tal-kumpanija.

Il-ħsara lir-reputazzjoni tal-kumpanija, ukoll, diġa hi kbira ħafna.

Iktar tard illum, il-Kumitat tal-Ambjent tal-Parlament Ewropew ser jikkonkludi d-diskussjoni dwar abbozz ta’ leġislazzjoni li taġġorna r-regolamenti dwar it-tniġġiz mill-karozzi Euro 5 u Euro 6 applikabbli fl-Unjoni Ewropeja. Fi stqarrija li ħareġ il-bieraħ,  il-kelliemi tal-Ħodor Ewropej Bas Eickhout qal li ilu magħruf li l-manufatturi tal-karozzi fl-Unjoni Ewopeja qed iduru mar-regoli tat-tniġġiz tant li m’humiex josservawhom. L-iskandlu tal-Volkswagen fl-Istati Uniti għandu tiftaħ beraħ għajnejn kulħadd dwar dak li fil-fatt qed jiġri.

Nistennew li nkunu infurmati jekk ġewx mibjugħa minn dawn il-karozzi f’Malta u x’passi ser jittieħdu dwarhom.