L-Isptar San Filep: Frank w is-serjeta’ tal-Gvern

Fl-opinjoni tiegħi l-prezz miftiehem għall-eventwali biegħ tal-Isptar San Filep mhux wieħed kontroversjali. Tonio Fenech Ministru tal-Finanzi ftaħar fil-Parlament li l-prezz kien bargain. Qal nhar it-Tnejn li għadda illi n-negozjaturi għan-nom tal-Gvern kellhom struzzjonijiet biex jimxu ma’ l-inqas stima (dik tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi) u lil sid l-isptar qalulu take it or leave it.

Frank Portelli sid l-Isptar permezz tal-ishma li għandu fil-kumpanija Golden Shepherd Group Limited  ftit seta jinnegozja minħabba l-istat finanzjarju ħażin tal-kumpanija. Kellu jaċċetta prezz baxx : 62% tal-istima oriġinali tal-periti tieghu.  Fil-fehma tiegħi l-isptar San Filep jiswa iktar mill-prezz miftiehem ta’ €12.4 miljuni. Imma dik m’hiex problema tal-Gvern, hi problema ta’ Frank Portelli li spiċċa kif spiċċa. Kien qiegħed jinnegozja minn posizzjoni ta’ djgħufija.

Uħud, anke f’kummenti fuq dan il-blog, jaħsbu li l-Gvern mexa b’favoritiżmu ma Frank Portelli minħabba s-sessjonijiet ta’ “qrar” li organizza bejn nagħaġ mitlufa tal-PN u l-Kap tal-PN f’Villa Arrigo qabel l-Elezzjoni Ġenerali tal-2008. Il-fatti magħrufa s’issa iżda, ma jippuntawx f’din id-direzzjoni.

Il-Ministru tal-Finanzi nhar it-Tnejn fil-Parlament ftaħar li l-istruzzjonijiet li kellu t-team ta’ negozjaturi  tal-Gvern kien li ma jiċċaqlaqx mill-iktar stima baxxa u jassigura li l-prezz tal-ftehim finali jkun tali li ma jkunx hemm diffikulta’ dwaru mal-Awditur Ġenerali u Public Accounts Committee. Naħseb li l-Ministru tal-Finanzi jaf daqsi li l-prezz hu biss wieħed mill-kriterji.

Fost il-kriterji l-oħra (kif imfisser f’artikli  oħra f’dan il-blog) hemm kemm ser jintlaħqu l-oġġettivi tal-proġett propost.

Meta nhar it-Tnejn fil-Parlament tkellem fuq il-permess meħtieg mill-MEPA biex l-Isptar jikber għall-ħtiġijiet li għandu l-Gvern, il-Ministru  Tonio Fenech wera li ma kellux idea x’ser jiġri!  Il-Ministru jaf li l-għan li l-Isptar San Filep ikun jista’ jikber għal daqs li joffri 280 sodda hu diffiċli ħafna li jintlaħaq.

Minkejja li l-iskop tal-proġett mhux ċar  jekk jistax jintlaħaq il-Gvern xorta ser jgħaġġel jiffirma. Fl-4 snin negozjati ma indenjax ruħu jippreżenta applikazzjoni. Kieku ilha deċiza u kien ikollu kollox bl-iswed fuq l-abjad. Daqstant hu serju l-Gvern!

Time 2BFrank

In-negozjati dwar il-bejgħ/kiri tal-isptar St Philip’s ftit li xejn hu magħruf dwarhom. Għax saru fil-kwiet u ħlief lejn l-aħħar ftit li xejn kien hemm paroli dwarhom. Hu diffiċli ħafna li issib informazzjoni. Imma ftit sibt ukoll.

Nhar l-4 t’Ottubru 2012  t-Tribunal Għat-Talbiet iż-Żgħar taħt id-direzzjoni tad-Dottoressa Yana Micallef Stafrace tat deċiżjoni fit-talba numru 1515/2010 bejn żewġ kumpaniji: Icon Studios Limited (C 26538) u Golden Shepherd Group Limited (C 14949). Ta’ l-ewwel kienet rappreżentata mill-Avukat Ġeġe Gatt iben Austin Gatt. Tat-tieni rappreżentata mis-CEO tal-Isptar St Philip’s, t-Tabib Frank Portelli.

Il-każ kien dwar ammont żgħir (€1663.80) li Ġeġe ried lill-Frank iħallas ta’ xogħol fuq website li kien għamillu wara li kienu iltaqgħu u ftehmu dwar dan fil-Lukanda Westin Dragonara nhar it-23 ta’ Diċembru 2009! Id-deċiżjoni kienet favur Ġege. Frank kien ordnat iħallas l-€1663,80 bl-interessi.

Ta’ interess fid-deċiżjoni hemm dan il-paragrafu enumerat bin-numru 7 :

“Wasalna fl-1 ta’ Marzu 2010 ……………… u Dr. Portelli qed isemmi n-negozjati li kellu mal-Gvern li kienu ilhom għaddejjin għal-18-il xahar u li kien għadu jittama f’konkluzjoni.”

Mela issa nafu li in-negozjati bdew madwar sitt xhur wara l-elezzjoni ta’ Marzu 2008 u 18-il xahar wara (f’Marzu 2010) kienu għadhom għaddejjin.

In-negozjati bdew sitt xhur wara l-elezzjoni tal-2008.

Nafu x’kien l-impenn ta’ Frank fl-2008 f’Villa Arrigo jassisti lil Gonzi fil-ġirja tiegħu wara n-nagħaġ li intilfu!

Fid-dawl ta’ dan kolli l-Gvern għandu obbligu ikbar li jwieġeb ħafna mistoqsijijiet dwar l-isptar St Philips. Hemm bżonn ta’ tweġibiet ċari dwar kemm l-isptar St Philips jaqdi l-ħtiġijiet tad-Dipartiment tas-Saħħa u kemm ġew meqjusa sewwa l-alternattivi.

Fl-assenza ta’ tweġibiet ħadd m’għandu jagħti tort lill-ħadd li jikkonkludi li l-ftehim li jidher li huwa konkluż huwa ħlas minn fondi pubbliċi għall-ħidma f’Villa Arrigo fl-interess tal-Partit Nazzjonalista lejlet l-elezzjoni ġenerali ta’ Marzu 2008.

L-Awditur Ġenerali għandu jeżamina sew x’ġara.

Il-Parlament għandu bżonn jistenbaħ ftit!

Its time 2BFrank.