L-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Daphne taħt il-lenti

Fiċ-ċirkustanzi kif qed jiżviluppaw, ħadd ma jista’ jagħti tort lill-familja Caruana Galizia li jkollha dubji serji dwar il-proċess kollu tal-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

L-investigazzjoni bdiet fuq sieq ħażin mill-ewwel, meta tfaċċat il-Bidnija l-Maġistrat Consuelo Scerri-Herrera. Il-Maġistrat damet ħin twil iddur mal-lewża sakemm iddeċidiet li tastjeni u titlob li jinħatar Maġistrat ieħor. Biex tagħqad sakemm iddeċidiet ordnat numru ta’ familjari ta’ Daphne Caruana Galizia biex ikunu l-Qorti propju fl-ewwel siegħat tal-investigazzjoni, kważi immedjatament kif inqatlet.

Bla dubju l-Maġistrat Scerri-Herrera ittratta ħażin ħafna lill-familja ta’ Daphne.

Imbagħad sirna nafu li l-investigazzjoni kienet taħt id-direzzjoni tad-Deputat Kummissarju (tal-Pulizija) Silvio Valletta li hu miżżewweġ lill-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana. Xahar ilu ktibt li kien ikun għaqli kieku l-investigazzjoni qed imexxiha fizzjal ieħor tal-Pulizija. Dan minħabba d-dellijiet politiċi li bil-fors iġorr miegħu d-Deputat Kummissarju. Tajjeb li nfakkarkhom x’kienet irrappurtat il-gazzetta Illum meta Silvio Valletta kien qed jissemma’ għal Kummissarju tal-Pulizija:

“L-ILLUM tista’ tiżvela li fost il-persuni li ġew avviċinati biex jokkupaw il-kariga ta’ Kummissarju tal-Pulizija kien hemm l-Assistent Kummissarju Silvio Valletta. Is-sorsi qrib il-Korp tal-Pulizija li tkellmu mal-ILLUM qalu li minkejja li Valletta kien ikkunsidrat bħala kandidat mill-aktar idoneu għall-kariga, hu rrifjuta.
Għalkemm għadu mhux ċar x’inhuma r-raġunijiet kollha għal dan ir-rifjut, dawk li tkellmu magħna qalu li waħda mir-raġunijiet ewlenin għalfejn Valletta ma xtaqx li jokkupa l-ogħla kariga fil-korp kien minħabba l-kariga politika ta’ martu, Justyne Caruana. Nies li tkellmu ma’ Valletta qalu li l-Assistent Kummissarju jħoss li l-fatt li Caruana hija Membru tal-Kabinett u persuna prominenti fil-Partit Laburista, seta’ jitfa’ wisq piż u dell fuq l-operat tiegħu kieku aċċetta li jkun fit-tmun tal-Korp.”

Dan kollu seta jkun evitat, bi ftit ħsieb. Inutli noqgħdu nparlaw żejjed fil-konfront ta’ xulxin. Kieku l-affarijiet isiru sewwa, mill-ewwel, jkun tajjeb għal kulħadd.

Wara d-dibattitu fi Strasburgu

 

Id-dibattitu tal-ġimgħa l-oħra fil-Parlament Ewropew dwar is-saltna tad-dritt wera li prattikament il-partiti politiċi kollha huma mħassba dwar is-saltna tad-dritt f’Malta. Il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia jkompli jżid ma dan it-tħassib.

It-tħassib hu wieħed akkumulat u huwa ġġustifikat minħabba diversi affarijiet li ġraw fuq tul ta’ żmien.

Il-ħatra u r-riżenja ta’ diversi Kummissarji tal-Pulizija matul dawn il-ħames snin xejn ma għen f’dan il-kuntest.

Ir-rapporti tal-FIAU (Financial Intelligence Analysis Unit) li waslu għand il-Kummissarju tal-Pulizija u ma ittieħdu l-ebda passi dwarhom ukoll wasslu l-messaġġ li f’dan il-pajjiż xejn m’hu xejn: li l-liġi hi bla siwi.

Jekk il-liġi hi bla siwi għax l-awtorijtajiet li għandhom l-obbligu li jimplimentawha jagħlqu għajnejhom, daqqa waħda u drabi oħra t-tnejn, hu ġustifikat li jingħad li s-saltna tad-dritt hi mhedda.

F’dan il-kuntest ma tista’ tagħti tort lil ħadd li jissuspetta illi l-awtoritajiet kollha ħaġa waħda, jħokku dahar xulxin. Anke jekk mhux neċessarjament hekk.

Imma hemm min qiegħed japprofitta ruħu minn din is-sitwazzjoni biex jiżra’ sfiduċja iktar milli diġa hawn. Ilkoll kemm aħna, fuq quddiem nett il-partiti politiċi, għandna l-obbligu li f’din is-siegħa delikata ma nesagerawx fil-kritika li nagħmlu. Anke fejn il-kritika hi ġustifikata. Il-kritika li issir hemm bżonn li tkun waħda responsabbli avolja jkun hemm min ma jagħtix każ, jew inkella jipprova jagħti l-impressjoni li mhux qed jagħti każ.

Il-fatti jibqgħu dejjem fatti.

Il-Prim Ministru żbalja meta ma tajjarx lill-Konrad Mizzi mill-Kabinett u lil Keith Schembri minn Chief of Staff fl-uffiċċju tiegħu wara li isimhom deher fil-lista magħrufa bħala Panama Papers. Kien żball oħxon li anke fil-Partit Laburista stess kien hemm dibattitu jaħraq dwaru. Fil-Partit Laburista kien hemm min kellu l-kuraġġ li jesprimi fehmtu dwar dan fil-pubbliku. Hekk għamlu s-sena l-oħra Evarist Bartolo u Godfrey Farrugia. Kien hemm oħrajn li tkellmu fil-magħluq waqt laqgħat tal-Grupp Parlamentari. Fil-gazzetti kienu ssemmew l-ismijiet tad-Deputat Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Louis Grech u tal-Ministri Leo Brincat, Edward Scicluna u George Vella. Hemm ukoll id-dikjarazzjoni ċara pubblika ta’ Alfred Sant, avolja dan issa qed jitkellem ftit differenti. Naf li hemm oħrajn. Kollha talbu r-riżenja ta’ Konrad Mizzi.

Il-preokkupazzjoni tal-lum hi in parti riżultat ta’ din id-deċiżjoni żbaljata tal-Prim Ministru Joseph Muscat.

Il-kobba issa kompliet titħabbel bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Sfortunatament hemm min qed jitfa l-argumenti kollha f’borma waħda u jgħaqqad, b’mod irresponsabbli l-affarijiet, meta s’issa għad ma hemm l-ebda prova dwar min wettaq dan id-delitt u għal liema raġuni. L-iżbalji li saru fil-kors tal-investigazzjoni xejn m’huma ta’ għajnuna. La d-dewmien tal-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera biex ma tibqax tmexxi l-investigazzjoni Maġisterjali u l-anqas li d-Deputat Kummissarju Silvio Valletta ma fehemx li l-presenza tiegħu fl-investigazzjoni tista’ tkun ta’ xkiel għall-kredibilita tal-konkluzjonijiet m’huma ser jgħinu.

F’dan il-kuntest il-kummenti ta’ Frans Timmermans Viċi President Ewlieni tal-Kummissjoni Ewropea huma ta’ validità kbira: “Let the investigation run its full course. What is not on is to start with a conclusion and look for facts to support that conclusion.”

Il-preokkupazzjoni tagħna lkoll hi ġustifikata. Imma tajjeb li nżommu quddiem għajnejna li t-taħwid kollu li għandna quddiemna ma tfaċċax f’daqqa, ilu jinġabar ftit ftit. Biex dan jingħeleb jeħtieġ l-isforz flimkien ta’ kull min hu ta’ rieda tajba.

 

ippubblikat f’Illum – Il-Ħadd 19 ta’ Novembru 2017

Beyond the Strasbourg debate

Last week’s debate in the European Parliament on the rule of law in Malta revealed that all political parties are preoccupied with the matter and the assassination of Daphne Caruana Galizia has made a bad situation worse.

This preoccupation has not developed overnight, it has accumulated over time. The appointment of various Commissioners of Police and their subsequent resignation for a variety of reasons has not been helpful: it has reinforced the perception that “all is not well in the state of Denmark”.

The Financial Intelligence Analysis Unit reports received by the Commissioner of Police, and in respect of which no investigation was carried out, sent out one clear message: in this country, some people are clearly not subject to the rule of law. Can anyone be blamed if this message – sent by the Commissioner of Police – was clearly understood by one and all?

This transmits an additional clear message: the authorities are in cahoots; they are scratching each other’s back. Even though reality may be different, this is the message which has gone through.

Unfortunately, some people may be cashing in on these developments and, as a result, increasing exponentially the lack of trust in public authorities in Malta. This is a very dangerous development and calls for responsible action on the part of one and all, primarily political parties. Speaking out publicly about these developments is justified, notwithstanding the continuous insults which keep being levelled against such a stand. It is time to stand up and be counted.

The Prime Minister erred when he did not dismiss Minister Konrad Mizzi and Chief of Staff at the OPM Keith Schembri on the spot, after it was clear that their names featured prominently in the Panama Papers. This serious error by the Prime Minister triggered a debate about the matter in the Labour Party. Some even had the courage to speak publicly: Evarist Bartolo and Godfrey Farrugia did so. Others participated actively in the internal debates within the Labour Party, in particular during meetings of the Parliamentary Group. Last year, the media had mentioned various Labour MPs as having been vociferous in internal debates on the matter: it was reported that former Deputy Prime Minister Louis Grech and senior Ministers Leo Brincat, Edward Scicluna and George Vella took the lead.

Even former Labour Leader Alfred Sant made public declarations in support of required resignations. This week, Sant sought to change his tune in a hysterical contribution to the Strasbourg debate. Others have preferred silence.

The Prime Minister’s erroneous position in refusing to fire Konrad Mizzi and Keith Schembri has been a major contributor to the present state of affairs. The murder of Daphne Caruana Galizia has made matters worse and has, justifiably, led to the current preoccupation with the question of whether the rule of law is still effective in Malta at all.

Unfortunately some individuals begin linking all the incidents together – in the process, weaving a story which is quite different from reality, at least that which is known so far. Some claim to be able to joint the dots, thereby creating a narrative unknown to the rest of us, because the dots can be joined in many different ways.

Mistakes made during the initial stages of the investigation of the Daphne Caruana Galizia murder further reinforce the perceptions that all is not well. When Magistrate Consuelo Scerri Herrera took quite some time to realise that it was not right for her to lead the investigation into the murder of a journalist who had been the prime mover in torpedoing her elevation to the position of a Judge in the Superior Courts, everyone was shocked.

Even the failure of Deputy Police Commissioner Silvio Valletta to realise that for him to lead the police investigation into Daphne Caruana Galizia’s murder could dent the credibility of the police investigation in view of his marriage to a Cabinet Minister was another serious mistake. This is no reflection on the couple’s integrity but an ethical consideration which should have been taken into consideration in the first seconds of the investigation.

In this context, the comments of European Commission Senior Vice President of the European Commission Frans Timmermans assume greater importance “Let the investigation run its  full course. What is not on is to start with a conclusion and look for facts to support that conclusion.”

It is reasonable that all of us are seriously preoccupied. The present state of affairs did not develop overnight. It requires the concerted efforts of all of us to be put right.

published in The Malta Independent on Sunday – 19 November 2017 

Wara d-dibattitu fi Strasbourg

Id-dibattitu tal-lum fil-Parlament Ewropew dwar is-saltna tad-dritt wera li prattikament il-partiti politiċi kollha huma mħassba dwar is-saltna tad-dritt f’Malta.

Il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia jkompli jżid ma dan it-tħassib.

It-tħassib hu ġustifikat minħabba diversi affarijiet.

Il-ħatra u r-riżenja ta’ diversi Kummissarji tal-Pulizija matul dawn il-ħames snin xejn ma għen f’dan il-kuntest.

Ir-rapporti tal-FIAU (Financial Intelligence Analysis Unit) li waslu għand il-Kummissarju tal-Pulizija u ma ittieħdu l-ebda passi dwarhom ukoll wasslu l-messaġġ li f’dan il-pajjiż xejn m’hu xejn: li l-liġi hi bla siwi.

Jekk il-liġi hi bla siwi għax l-awtorijtajiet li għandhom l-obbligu li jimplimentawha jagħlqu għajnejhom, daqqa waħda u drabi oħra t-tnejn, hu ġustifikat li jingħad li s-saltna tad-dritt hi mhedda.

F’dan il-kuntest ma tista’ tagħti tort lil ħadd li jissuspetta illi l-awtoritajiet kollha ħaġa waħda, jħokku dahar xulxin. Anke jekk mhux neċessarjament hekk.

Imma hemm min qiegħed japprofitta ruħu minn din is-sitwazzjoni biex jiżra’ sfiduċja iktar milli diġa hawn. Ilkoll kemm aħna, fuq quddiem nett il-partiti politiċi, għandna l-obbligu li f’din is-siegħa delikata ma nesagerawx.

Il-fatti jibqgħu fatti.

Il-Prim Ministru żbalja meta ma tajjarx lill-Konrad Mizzi mill-Kabinett u lil Keith Schembri minn Chief of Staff fl-uffċċju tiegħu wara li isimhom deher fil-lista magħrufa bħala Panama Papers. Kien żball oħxon li anke fil-Partit Laburista stess kien hemm dibattitu jaħraq dwaru.

Xi żmien ilu, madwar 18-il xahar ilu kont ktibt u għidt hekk :
“Fortunatament bosta membri tal-grupp parlamentari jaħsbuha differenti minn hekk. Hemm min tkellem fil-pubbliku bħalma għamlu Evarist Bartolo u Godfrey Farrugia. Hemm oħrajn li tkellmu fil-magħluq waqt laqgħa tal-Grupp Parlamentari. Issemmew l-ismijiet tad-Deputat Prim Ministru Louis Grech u tal-Ministri Leo Brincat, Edward Scicluna u George Vella. Hemm ukoll id-dikjarazzjoni ċara ta’ Alfred Sant. Naf li hemm oħrajn. Kollha talbu r-riżenja ta’ Konrad Mizzi.
Il-grupp parlamentari laburista m’huwiex kuntent bis-sitwazzjoni. Huwa konxju li s-skiet tal-Partit Laburista quddiem it-taħwid tal-Gvernijiet tas-snin 70 u 80 kienet raġuni ewlenija li kkundannat lill-partit għal 25 sena fl-Opposizzjoni. Illum jirrealizzzaw li hu kmieni wisq, wara biss tlett snin, biex il-partit laburista jsib ruħu f’dan it-taħwid kollu.”

Il-kobba issa kompliet titħabbel bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Hemm min qed jitfa l-argumenti kollha f’borma waħda u jgħaqqad, b’mod irresponsabbli l-affarijiet, meta s’issa għad ma hemm l-ebda prova dwar min wettaq dan id-delitt u għal liema raġuni. L-iżbalji li saru fil-kors tal-investigazzjoni xejn m’huma ta’ għajnuna. La d-dewmien tal-maġistrat Scerri-Herrera biex twarrab minn nofs u l-anqas li d-Deputat Kummissarju Silvio Valletta  ma fehmx li l-presenza tiegħu fl-investigazzjoni tista’ tkun ta’ xkiel għall-kredibilita tal-konkluzjonijiet m’huma ser jgħinu.

F’dan il-kuntest il-kummenti ta’ Frans Timmermans Viċi President Ewlieni tal-Kummissjoni Ewropea huma ta’ validità kbira: “Let the investigation run its full course. What is not on is to start with a conclusion and look for facts to support that conclusion.”

Il-preokkupazzjoni tagħna lkoll hi ġustifikata. Imma tajjeb li nżommu quddiem għajnejna li t-taħwid kollu li għandna quddiemna ma tfaċċax f’daqqa, ilu jinġabar ftit ftit. Biex dan jingħeleb jeħtieġ l-isforz flimkien ta’ kull min hu ta’ rieda tajba.

Id-Deputat Kummissarju Silvio Valletta jagħmel pass lura?

 

Huwa tajjeb li jkollna fiduċja fil-Korp tal-Pulizija.

Fil-Parlament il-lejla, fuq mistoqsija supplementari ta’ Simon Busuttil qam l-argument fuq jekk hux sewwa li l-uffiċjal tal-Pulizija li hu inkarigat mill-investigazzjoni kriminali dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia qed jerfa’ din ir-responsabbilta meta hu miżżewweġ lil persuna fil-politika.

Għamel tajjeb il-Ministru Michael Farrugia li qal li għandu fiduċja fil-Korp kollu. Għamel iktar tajjeb meta qal li ma jinteressaħx il-kulur politiku la ta’ min jinvestiga u l-anqas ta’ min ikun qiegħed jiġi investigat.

Kien jagħmel ħafna tajjeb id-Deputat Kummissarju Valletta kieku ma ħax sehem f’din l-investigazzjoni.

L-aħjar mod biex nispjegalkom għaliex huwa billi nfakkarkom f’artiklu li nkiteb f’Illum sena ilu minn Albert Gauci Cunningham. L-artiklu kien jgħid dan il-kliem :

“L-ILLUM tista tiżvela li fost il-persuni li ġew avviċinati biex jokkupaw il-kariga ta’ Kummissarju tal-Pulizija kien hemm l-Assistent Kummissarju Silvio Valletta. Is-sorsi qrib il-Korp tal-Pulizija li tkellmu mal-ILLUM qalu li minkejja li Valletta kien ikkunsidrat bħala kandidat mill-aktar idoneu għall-kariga, hu rrifjuta.

Għalkemm għadu mhux ċar x’inhuma r-raġunijiet kollha għal dan ir-rifjut, dawk li tkellmu magħna qalu li waħda mir-raġunijiet ewlenin għalfejn Valletta ma xtaqx li jokkupa l-ogħla kariga fil-korp kien minħabba l-kariga politika ta’ martu, Justyne Caruana. Nies li tkellmu ma’ Valletta qalu li l-Assistent Kummissarju jħoss li l-fatt li Caruana hija Membru tal-Kabinett u persuna prominenti fil-Partit Laburista, seta’ jitfa’ wisq piż u dell fuq l-operat tiegħu kieku aċċetta li jkun fit-tmun tal-Korp.”

Mhux possibli li nkun iktar ċar minn hekk.

Sena ilu, Silvio Valletta kien ta prova li kien fizzjal ta’ stoffa. Għalfejn issa reġa pass lura?