It-toroq tagħna wkoll

 

AD.cycling

Il-bieraħ, it-Tlieta, flimkien ma Ralph Cassar, Segretarju Ġenerali ta’ Alternattiva Demokratika kif ukoll ma’ rappreżentanti tal- Bicycling Advocacy Group (BAG) indirizzajt konferenza stampa f’Marsaskala dwar id-deċiżjoni tal-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala li jneħħi għal kollox il-passaġġ għar-roti (cycle lane) fi Triq is-Salini.

Ngħiduha kif inhi: il-passaġġ kien wieħed part-time, għax ma kienx jista’ tintuża kuljum u f’kull ħin, u dan apparti meta kien ikun imblukkat mill-karozzi. Il-passaġġ seta jintuża biss matul il-ġimgħa sal-ħamsa ta’ waranofsinnhar. Ovvjament dan kien fil-ħin li l–parti l-kbira tan-nies tkun għax-xogħol. Allura hu ovvju li ftit intuża jekk la wara l-ħin tax-xogħol u l-anqas fi tmiem il-ġimgħa ma seta jintuża.

Flok ma tejjeb il-passaġġ tar-roti u estenda l-ħin li fih seta jintuża, l-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala neħħieħ għal kollox. Għamel dan bla ma ikkonsulta ma ħadd. Qiesu li t-toroq huma għall-karozzi, biss.

Hija ħasra u riżultat ta’ nuqqas ta’ viżjoni fit-tul li l-Kunsill ta’ Marsaskala, minflok ma’ jżid il-faċilitajiet għal forom ta’ trasport differenti kif ukoll għal eżercizzju fiżiku fi spazji pubbliċi, ineħħi l-uniku triq mal-kosta f’żona urbana b’passaġġ għar-roti.

 

B’din id-deċiżjoni l-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala qed jagħti messaġġ ħażin.  M’huwiex jifhem li anke jekk il-passaġġ kien wieħed part-time kien fih innifsu messaġġ simboliku ta’ inkoraġġiment liċ-ċiklisti u liċ-ċikliżmu. Kien messaġġ favur l-użu ta’ mezzi alternattivi ta’ transport. Messaġġ qawwi kontra l-konġestjoni tat-traffiku. It-toroq, wara kollox huma tagħna wkoll, mhux tal-karozzi biss.

F’pajjiż żgħir bħal tagħna fejn id-distanzi bejn lokalità u oħra fil-parti l-kbira tagħhom huma żgħar huwa importanti li ninkuraġġixxu ċ-ċikliżmu. Meta nagħmlu dan inkunu qed nagħtu kontribut għal kwalità tal-arja aħjar kif ukoll inkunu qed innaqqsu l-kontribut tal-pajjiż għat-tibdil fil-klima kif ukoll nieħdu ħsieb ta’  saħħitna.

Biex naslu irridu ntejbu l-infrastruttura meħtieġa għaċ-ċikliżmu. Fosthom iktar passaġġi għar-roti u bicycle racks (fejn jintrabtu r-roti).

Illum qabel għada. Għax it-toroq huma tagħna wkoll.

cycle laneTwo Tier-Cycle-Rack-3

Advertisements