L-art fi Triq Dun Mikiel Xerri u Triq Dun Ġwann Theuma f’Ħ‘Attard tista’ tinbena u dan grazzi għal deċiżjoni tal-Parlament fl-2006 li għamilha tajba għall-bini. Mhux din l-art biss. Hemm ukoll artijiet oħra, diversi, li huma mxerrda ma Malta kollha.
Issa s-sidien tal-art għaddejjin bl-applikazzjoni tagħhom mal-MEPA biex jaraw li jkunu jistgħu jibnu l-iktar possibli fuq din l-art.
Sadanittant ikollna Membri tal-Parlament li jiġu jagħtu l-appoġġ lir-residenti li ma jaqblux ma dan l-iżvilupp. Ma jgħidulhomx lir-residenti li huma kienu jiffurmaw parti minn dak il-Parlament li approva dan l-iżvilupp fil-prinċipju.
Illum il-Bord tal-MEPA iddeċieda li jirrifjuta l-applikazzjoni tas-sidien. Imma kien ċar li dawn għandhom dritt li jerġgħu japplikaw. Kull ma ġara hu li d-deċiżjoni forsi tittieħed darba oħra, fix-xhur li ġejjin.
Il-dmugħ tal-kukkudrill, iżda, jkompli.
Smajna illum lill-Onorevoli David Agius jispjega lill-Bord tal-MEPA kemm huwa kien kontra li din l–art tista’ tinbena. Kieku seta, qal, ivvota kontra. Imma ma setax! Anzi. Qal li issa lest li jippreżenta mozzjoni fil-Parlament biex din l-art ma tinbeniex.
Ovvjament b’dan il-bluff kollu l-Onorevoli David Agius kien qed jilgħab għall-gallarija. Għax jibqa’ l-fatt illi ma jista’ jiċħdu ħadd illi fis-siegħa tal-prova, fl-2006, l-Onorevoli David Agius kien jifforma parti mill-grupp parlamentari li appoġġa l-proposta li l-art f’Ħ’Attard b’faċċata fuq Triq Dun Mikiel Scerri u Triq Dun Ġwann Theuma tkun tista’ tkun żviluppata.
Id-dmugħ tal-kukkudrilli illum ma jibdilx id-deċiżjoni tal-bieraħ.