Sħubija fil-Union bil-fors?

Il-Partit Laburista, fil-manifest elettorali tiegħu, qed imexxi l-quddiem l-idea ta’ sħubija obbligatorja fi trade union.

Din l-idea oriġinat mill-unions infushom u għandha l-oriġini tagħha fil-fatt li fi prattikament kull post tax-xogħol hemm min ma jissieħeb fl-ebda union, joqgħod gallarija, u mbagħad igawdi hu (jew hi) ukoll mill-benefiċċji li jintrebħu bħala riżultat tan-negozjati bejn management u union.

Nifhem li l-Unions jiddejqu b’din is-sitwazzjoni.

Li jkun hemm iktar parteċipazzjoni fil-Unions hu oġġettiv tajjeb għax hu bil-parteċipazzjoni ta’ iktar nies mid-dinja tax-xogħol fil-ħidma trejdunjonistika li l-Unions jistgħu ikunu aħjar. Jagħmlu ukoll xogħol aħjar għax dan ikun rifless tal-fehma ta’ iktar persuni!

Imma li ġġiegħel lil kulħadd li jkun bilfors imsieħeb f’Union, anke jekk din tkun tal-għażla tiegħu/tagħha mhiex aċċettabbli. Ikun pass kbir il-quddiem kieku iktar jissieħbu, imma l-għażla trid tkun waħda ħielsa.

Fejn sejra l-Air Malta ?

air malta branding

L-istorja tat-Times illum dwar il-bejgħ ta’ parti sostanzjali mill-Air Malta lil Etihad Airways tal-Emirati Għarab Magħquda ilha ġejja.

Wara l-privatizzazzjoni parzjali tal-Enemalta issa jmiss il-privatizzazzjoni parzjali tal-Air Malta. It-tnejn minn partit politiku li meta kien fl-Opposizzjoni dejjem tkellem kontra l-privatizzazzjoni imma meta jkun fil-Gvern jinsa’ kollox. Għamilha fl-Enemalta u issa jmiss lill-Air Malta.

Matul il-ġimgħat li ġejjin jibdew ħerġin l-ewwel dettalji tat-tibdil li jridu jwettqu l-Etihad Airways fil-mod kif topera l-linja tal-ajru, u l-impatt ta’ dan it-tibdil fuq il-ħaddiema tal-Air Malta. Il-komunikazzjoni tal-proposti ser ikun eserċizzju interessanti. Imma iktar minn hekk ser tkun interessanti r-reazzjoni tal-Unions rikonoxxuti.

Ovvjament il-Unions ser jirreaġixxu skond il-proposti li jippreżentawlhom. Imma frankament mhux qed nimmaġina proposti ta’ żieda fil-pagi u fl-allowances u l-anqas titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol.

Ser ikunu żminijiet interessanti fejn ser inkunu nistgħu naraw il-konsistenza (jew in-nuqqas tagħha) tal-protagonisti.

 

 

L-abbuż tal-leave għall-mard

sick leave tomorrow

 

L-argument bejn l-MEA (l-Assoċjazzjoni ta’ min Iħaddem) u l-Unions dwar l-użu u l-abbuż tas-sick leave mhux wieħed ġdid.  Taħt forma jew oħra hu argument li ilna żmien nisimgħu.

Fil-waqt li hu tajjeb li jitrazzan l-abbuz mhuwiex aċċettabbli li biex dan isir ikun attakkat id-dritt tal-leave għall-mard.

L-argument li qiegħed jinġieb huwa li wieħed għandu joqgħod attent u jġib ruħu sewwa u bil-qies għax b’hekk ma jinqalgħux ċirkustanzi negattivi għal saħħitna, jew tal-inqas innaqsuhom. Ħafna hekk jagħmlu diġa’. Il-problema, bħal dejjem hi l-imġieba tal-ftit.

Min iqum b’hangover wara lejl jixrob ovvjament ikkontribwixxa direttament għall-qagħda tiegħu. Imma bl-istess argument kif tista’ titkellem dwar il-kumplikazzjonijiet ikkawżati mit-tipjip? Jew l-effetti mediċi ta’ ħabta b’karozza? Inkella  ksur ta’ għaksa waqt attivita’ sportiva?

Anke jekk nitkellmu dwar attakk tal-qalb jew dwar l-effetti mediċi tal-obesita faċilment nistgħu ngħidu li min ikollu dawn iċ-ċirkustanzi jkun xi ftit jew wisq ikkontribwixxa għalihom.

Allura meta l-MEA qed tgħid li min jikkontribwixxu għaċ-ċirkustanza medika tiegħu ma jkunx intitolat għall-leave għall-mard fir-realta’ qed tattakka l-idea innifisha tal-leave għall-mard. Għax prattikament ftit li xejn jibqa’ ċirkustanzi ta’ mard li jiġu waħedhom!

Id-diskussjoni dwar l-użu u l-abbuż tas-sick leave tajjeb li issir. Imma hemm bżonn inkunu serji u nirrispettaw ftit iktar lil xulxin!

L-abbuż xi ftit jew wisq dejjem ser ikun magħna. Imma l-anqas m’hu daqstant diffiċli li ssib tarf tal-parti l-kbira tal-abbużi. Tajjeb għaldaqstant li ma noqgħodux niddrammatizzaw l-affarijiet.