Fi stqarrija li ħarġet l-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi, bi tweġiba ovvja għall-konferenza stampa li jiena indirizzajt il-bieraħ f’Marsaxlokk, Sandro Chetcuti qed jiddefendi lil min xtara l-ħut fil-baħar.
Għax hekk ġralu min xtara art li l-Parlament fl-2006 approva biex tkun tajba għall-bini, bħalma għamlu dawk li xtraw l-art fil-Mosta (Torri Cumbo) u Marsaxlokk (Marnisi), fl-aħbarijiet f’dawn il-ġranet.
Meta fl-2006 il-Parlament bil-voti favur tal-Membri Parlamentari Nazzjonalisti u bil-voti kontra tal-Membri Parlamentari Laburisti approva li żewġ miljun metru kwadru ta’ art minn ODZ saru parti miż–żona ta’ żvilupp ma iddeċiediex x’seta jinbena fuqhom. L-anqas ma iddeċieda l-għoli li seta jinbena.
Imma min kellu l-art f’ħafna każi fassal it-toroq u beda jbiegħ il-plots. U għamel kemxa ġmielha!
Min approva fejn ser jgħaddu t-toroq?
Ħadd. Tant li meta per eżempju nhar l-20 ta’ Marzu l-Kumitat Eżekuttiv tal-Awtoritá tal-Ippjanar kien qed jiddiskuti l-applikazzjoni tal-Mosta (dawk it-38,500 metru kwadru ħdejn it-Torri Cumbo) wieħed mill-membri tal-kumitat qal li l-applikanti ippruvaw jorbtu idejn l-Awtoritá billi fasslu t-toroq u qasmu l-plots b’dawn it-toroq qabel ma ittieħdet id-deċiżjoni.
Issa x’jiġri jekk l-Awtorita tal-Ippjanar tiddeċiedi (kif għandha kull dritt li tagħmel) li tfassal it-toroq b’mod differenti? Jew inkella jekk tiddeċiedi li l-art għandha tinbena b’densitá baxxa, b’sular wieħed biss?
Dan kollu Sandro ma jgħidux. Għax min fittex li jbiegħ l-art daħaq bin-nies meta qassamhom fi plots kif ried hu u mingħajr ma kellu f’idejh il-permessi tal-ippjanar biex ikun jista’ jagħmel dan.
Xtraw il-plots meta ma kellhom l-ebda konferma dwar x’jista’ jinbena fuqhom. L-anqas biss ma kellhom konferma li l-plot li xtraw kellha faċċata mat-triq.
Għalhekk xtraw il-ħut fil-baħar.