Mario Galea, jitkellem ċar

F’kumment kemmxejn twil fuq is-sit soċjali facebook Mario Galea tkellem ċar: kif Simon Busuttil warrab fil-ġemb lill-grupp parlamentari tiegħu.

L-akkuża li jagħmel hi gravi ħafna: jgħid li l-grupp Parlamentari ma jistax ikun li “jibqa’ rubberstamp kif sfortunatment spiċċa ħafna drabi taħt Simon Busuttil”.

Mario jgħid diversi affarijiet importanti : li l-Grupp Parlamentari tal-PN kien imwarrab u li l-ewwel kienu jittieħdu d-deċiżjonijiet u wara kienu jippretendu li issir id-diskussjoni.

Akkuża gravi li jagħmel Mario Galea hi din li ġejja: “Per eżempju deċiżjoni importanti bħall-għaqda tal-Partit Nazzjonalista mal-Partit Demokratiku tal-Onorevoli Marlene Farrugia qatt ma ġiet diskussa fil-grupp parlamentari, iżda aħna id-deputati tal-PN sirna nafu biha mill-media.”

Ikompli jitfa l-ħatab fuq in-nar meta jgħid li s-Segretarja Ġenerali tal-PN Rosette Thake kienet imposta u li persuni oħra “validi” li riedu jikkontestaw ġew ordnati biex ma jagħmlux dan.

Dan kollu jispjega għaliex fil-vot importanti fil-Parlament ftit ilu kien hemm min kien “marid” jew ma attendiex għall-votazzjoni. Jispjega ukoll il-mod kif ġieb ruħu Edwin Vassallo fil-Parlament.

Dak li jgħid Mario Galea ma huwiex biss riflessjoni fuq kif mexxa Simon Busuttil, imma hu ukoll rifless fuq il-grupp Parlamentari tal-PN li kien u għadu bla ħeġġa, bla enerġija u bla  ……….

Issa jekk dawn m’humiex kapaċi jirrispettaw lil xulxin, immaġinaw ftit kemm huma kapaċi jirrispettaw lilek!

 

 

 

Advertisements

Il-PN u l-ambjent: l-impjant ta’ Sant Antnin : żball jew sabutaġġ?

Pullicino.SAntnin

Nhar il-Ħadd 7 ta’ Ġunju 2015, il-Kap tal-Opposizzjoni Simon Busuttil qalilna li l-PN ħa diversi żbalji fuq materji ambjentali. Anżi. Żied jgħidilna li jaf li dwar l-ambjent il-PN m’għandux fama tajba. Imma, żied jgħid Simon Busuttil, il-PN tgħallem mill-iżbalji tiegħu u jaf fejn għandu jtejjeb lilu innifsu (Il-Malta Today irrappurtatu jgħid hekk : “He acknowleged the PN’s unfavourable track record on environmental matters  but said that the party had learnt from its mistakes and knew where to improve.”)

Imma, kif diġa għidt, ir-rapport tat-telfa tal-istess PN għall-elezzjoni tal-2013 ma jitkellimx dwar żbalji imma dwar sabutaġġ. Jiġifieri dwar tfixkil. Dan ir-rapport kien iffirmata, fost oħrajn minn Ann Fenech (illum President tal-Kumitat Eżekuttiv tal-PN) u minn Rosette Thake (illum Segretarju Ġenerali tal-PN).

Ikun tajjeb kieku Simon Busuttil jgħidilna liema kienu dawn l-iżbalji li l-Partit Nazzjonalista tgħallem minnhom.

Pereżempju, l-impjant ta’ Sant’ Antnin f’Marsasakala, dan kien każ ta’ żball ambjentali jew każ ta’ sabutaġġ? Mela ejja niftakru ftit minn dak li ġara dwar l-impjant tar-riċiklaġġ tal-iskart f’Sant’ Antnin, Marsaskala.

Il-impjant kif riedu l-Gvern immexxi minn Lawrence Gonzi kien propost li jsir fuq art tal-qies ta’ 45,000 metru kwadru (4.5 hectares). Dik hi l-area tal-impjant ta’ Sant’Antnin.

Meta ġew meqjusa artijiet alternattivi ġew ippreżentati tlett possibilitajiet oħra :  f’Wied Għammieq il-Kalkara, L-Għallies il-Magħtab limiti tan-Naxxar u l-Mara Bengħajsa limiti ta’ Birżebbuġa.

L-art f’Wied Għammieq Kalkara kellha qies ta’ 24,000 metru kwadru (2.4 hectares), madwar nofs ta’ dak li kien meħtieġ .

L-art fl-Għallies, Magħtab limiti tan-Naxxar kellha qies ta’ 20,000 metru kwadru (2 hectares), inqas min-nofs ta’ dak li kien meħtieġ.

L-art fil-Mara, Bengħajsa, limiti ta’ Birżebbuġa kellha qies ta’ 17,000 metru kwadru (1.7 hectares), ħafna inqas min-nofs ta’ dak li kien.

Kull waħda mit-tlett alternattivi kien ferm iżgħar mill-qies tas-sit f’Sant Antnin, u allura kien ovvju li ma kien hemm l-ebda proposta ta’ sit alternattiva għal Sant’ Antnin.  Ta’ l-inqas hekk ried min għażel l-alternattivi.   Qiesu ried li l-impjant isir bil-fors f’Sant’Antnin.

Dan kien żball, jew sabutaġġ? Għidulna ftit. Min għamel l-iżball, inkella min għamel is-sabutaġġ?

 

ippubblikat fuq iNews l-Erbgħa 10 ta’ Ġunju 2015

Il-Partit Nazzjonalista u l-ambjent: minn sabutaġġi għal deċiżjonijiet żbaljati

rapport telfa 1rapport telfa 2

Simon Busuttil, il-Kap tal-Opposizzjoni, il-bieraħ kien rappurtat li qal li l-PN ħa diversi żbalji fuq materji ambjentali. Dawn l-iżbalji, żied jgħid Simon Busuttil, kien qed jitgħallem minnhom.

Il-Malta Today online tal-bieraħ fil-fatt irrappurtat hekk: “He acknowleged the PN’s unfavourable track record on environmental matters  but said that the party had learnt from its mistakes and knew where to improve.”

Dan hu ovvjament pass il-quddiem. Nistennew issa lil Simon Busuttil jgħidilna liema kienu dawn l-iżbalji li l-PN “tgħallem minnhom”.

Dan hu important minħabba li fir-rapport tat-telfa l-PN kien qal affarijiet ferm differenti milli qed jgħid Simon Busuttil issa. Fejn tidħol il-MEPA, r-rapport tat-telfa ma jsemmix żbalji. Dakinnhar il-PN ipprova jpingi lilu innifsu bħala l-vittma ta’ sabutaġġ.

F’dak ir-rapport, li minnu kien ippubblikat biss sommarju eżekuttiv ta’ tmienja u tletin paġna hemm sezzjoni li tirreferi għall-MEPA (l-awtorità b’responsabbilta għall-ambjent) u tgħid is-segwenti :

 

Burokrazija żejda u sabutaġġi

Sezzjoni tal-votanti Nazzjonalisti riedet teħles minn ċerti nies imqegħdin f’bordijiet jew fi strutturi taċ-Ċivil li ħassew li għamlu l-ħajja tagħhom diffiċli. Jidher li kien hemm ħafna nies li ma ridux permessi jew affarijiet li ma kellhomx dritt għalihom iżda affarijiet bażiċi u li kien ħaqqhom bi dritt. Madankollu kien hemm uffiċjali li bl-iskuża tal-burokrazija jew saħansitra bħala att ta’ sabutaġġ għamluha diffiċli ħafna biex dawn jinqdew. Fuq quddiem nett kien hemm l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar – il-MEPA – li saret “nightmare” mhux biss għall-kuntratturi iżda wkoll għall-familji.”

 

M’hemmx bżonn kummenti għajr li niftakru li fost l-awturi ta’ dan ir-rapport hemm Ann Fenech (President tal-Kumitat Eżekuttiv tal-PN) u Rosette Thake (Seġretarju Ġenerali tal-PN).