F’Ħ’Attard iktar kmieni llum indirizzajt konferenza stampa b’appoġġ għar-residenti ta’ Triq Dn Mikiel Xerri u l-inħawi dwar proposta għall-iżvilupp ta’ 18,110 m2 ta’ art li qed tinħema.
Din l-art sal-2006 ma kienitx tajba għal bini imma dik is-sena, f’Awwissu, bil-qbil tal-Membri Parlamentari kollha tal-Gvern Nazzjonalista u l-Opposizzjoni Laburista ta’ dakinnhar saret tajba għall-bini.
Fil-fatt kif tindika l-istampa ta’ hawn fuq dak li jissejjaħ it-Ta’Qali Action Plan għadu sal-lum jiddeskrivi l-area bħala strategic open space – gap between settlements.
Imma issa, bħala riżultat tad-deċiżjoni tal-2006 il-MEPA għandha quddiema applikazzjoni biex fuq din l-art ikunu jistgħu jinbnew 91 plot!
Fl-2006 il-PN u l-PL qablu li ħafna iktar art tingħata għall-bini. Issa jippretendu li jiġu jipprotestaw mar-residenti bid-dmugħ tal-kukkudrilli.
Iddeċiedu xi tridu: jew mal-iżviluppaturi, inkella mar-residenti. Ma tistgħux tkunu mat-tnejn!