Madwar Mejda

 

L-istrajk tal-lum tafu dwar xiex kien ?

 

Dwar il-liċenzji tal-karozzi tal-mejtin. Il-Gvern iddeċieda li jneħħi l-kontrolli li ma kienu qed iservu għal xejn u għamel dan wara konsultazzjoni mal-għaqda tas-sidien tal-karozzi tal-mejtin. Fil-laqgħat li saru jidher li ma waslux, u għax ma waslux ħasbu li ma kellu jsir xejn. Il-Gvern qiegħed hemm biex jiddeċiedi u għamel sewwa li ddeċieda.

 

Tal-linja, tat-taxis u tal-minibuses illum taw l-appoġġ tagħhom lil tal-karozzi tal-mejtin. Meta għamlu dan qed jagħtu messaġġ ċar : li huma favur il-monopolju li kellhom tal-karozzi tal-mejtin. Huwa ċar ħafna għaliex dan : għax għandhom monopolju huma ukoll !

 

Dan il-pajjiż jeħtieġ jimxi ftit il-quddiem. L-ewwel pass ikun  jekk nifhmu li l-problemi jistgħu jissolvew madwar mejda. Illum ħadd m’għadu jibża’ mill-għajjat u l-istorjbu !

 

Il-qasam tat-trasport pubbliku huwa miżgħud bil-problemi u huwa meħtieg li jissolvew mill-iktar fis possibli.

 

Hija meħtieġa riforma mill-qiegħ tas-settur tat-trasport pubbliku b’mod li xi darba jkun possibli li kull wieħed minn jkollu għażla li ma jagħmilx użu mill-karozza privat tiegħu. Biex forsi fl-aħħar jonqsu l-karozzi mit-toroq, u jonqos it-tniġġis tal-arja li dawn iġibu magħhom.

 

Nittama li xi darba mhux il-bogħod tinstab soluzzjoni madwar mejda biex dan ikun jista’ jsir.