Lill-Oliver Scicluna ftit nafu. Segwejtu jaħdem mill-bogħod u għandi rispett u ammirazzjoni lejh bħala persuna kif ukoll għad-dedikazzjoni tiegħu għal dak li jemmen fih.
Il-co-option tiegħu fil-Parlament imma hi abbuż sfaċċjat tas-sistema. Kif kienet abbuż il-co-option ta’ bosta oħrajn: ta’ Adrian Delia, ta’ Bernard Grech, ta’ Miriam Dalli, ta’ Clyde Caruana u anke ta’ Joseph Muscat innifsu fl-2008.
Hu abbuż li ħadd ma ikkontestah sal-lum. Kien hemm mumenti meta dan kien fix-xifer li jsir meta l-Eżekuttiv tal-PN kien iddeċieda li jikkoptja lil Jean Pierre Debono meta irriżenja David Stellini, MP għal Ghawdex.
Dakinnhar, b’mod sfaċċat, l-Eżekuttiv tal-PN kien iddeċieda li jkun co-opted Jean Pierre Debono flok Kevin Cutajar.
Kevin Cutajar kien kandidat fuq Għawdex, imma Jean Pierre kien qed jistenna ringrazzjament talli ċeda is-siġġu tiegħu fuq Ħaż-Żebbuġ biex daħal Adrian Delia fil-Parlament. Delia, ovvjament, ma setax jirringrazzja lil Jean Pierre billi jagħmlu ambaxxatur, bħalma Joseph Muscat kien għamel lil Joseph Cuschieri, anke jekk snin wara!
Kull kandidat ikun urtat jekk wara li jkun aċċetta l-inkonvenjent li jikkontesta elezzjoni u ma jitlax, wara, kif titfaċċa opportunità fid-Distrett tiegħu jitfaċċa xi ħadd minn barra d-distrett biex itellfu anke dik l-opportunità. Il-każ ikun agħar jekk min jitfaċċa l-anqas biss ikun qagħad iħabbel rasu biex jikkontesta elezzjoni. Bħal Oliver, bħal Adrian, bħal Bernard, bħal Clyde u bħal Joseph.
Il-co-options li jsiru b’dan il-mod hu abbuż tas-sistema u għandhom jispiċċaw. Din il-kitba mhiex kritika ta’ Oliver imma tal-partiti li qed jabbużaw mis-sistema.