Il-Majestà Tiegħu ddejjaq bl-ispanjulett milqut

spanjulett St Edwards

 

Il-Majestà Tiegħu, l-Prim Ministru, iddejjaq li l-ispanjulett milqut waqa’ fl-iskola St Edward’s College fil-Birgu. Dehrlu li dan kien iżżejjed u li kien meħtieġ messaġġ ċar. Minn fejn kien qiegħed ibati fl-Azerbajġan ħabbar fuq Twitter li kien ta’ l-ordni biex l-istaġun jieqaf, minnufih.

Żmien ir-rejjiet u l-irġejjen ilu li spiċċa, imma min jiddeletta bid-deċiżjonijiet arbitrarji, dan, donnu li għadu ma irrealizzahx. Il-Majestà Tiegħu imma hu tal-fehma li x-xewqa tiegħu hi l-liġi. Għalhekk kien ħabbar għal darba tnejn li ser jivvota IVA biex il-qaddejja fidili jagħmlu bħalu.

Għax għamlu bħalu uħud jidhrilhom li ankè huma akkwistaw is-setgħa li jagħmlu li jridu. Għax ankè huma jidhrilhom li għandhom ikunu l-fuq mill-liġi.

Dak li tiżra’ taħsad, Ġuż  …………..

 

Advertisements

L-aħħar ċans? Għandek ċans!

time is running out

Mela l-Kaċċaturi San Umbertu qalu li l-każ tal-ispanjulett li ntlaqat minn żewġ tiri u li waqa’ fil-ground tal-Kulleġġ St Edward’s kien tort ta’żewġt itfal li kellhom senter misruq.

Issa sirna nafu li ser jittella’  l-Qorti persuna ta’ 25 sena li għandu liċenzja tal-kaċċa. Fil-fatt ittella’ żgħażugħ ta’ 21 sena skond kif tirrapporta it-Times online.

Ovvjament il-Kaċċaturi San Umbertu kienu qed jippruvaw jgħattu x-xemx bl-għarbiel. Għax jidher li ma kienu jafu xejn, imma fl-istess ħin riedu jgħidu li min spara ma kienx kaċċatur.

Issa ilna għaddejjin kważi ġimgħatejn b’numru ta’ każi ta’ illegalitajiet li nqabdu u oħrajn li ma nqabdux.

Fosthom insibu s-segwenti :

15 t’April:   Daqquqa maqtula fil-Manikata; kaċċatur min-Naxxar immultat €2,500. qal li ħasibha gamiema;

16 t’April:  Venewwa milqut f’Ħal-Far; kaċċatur jeħel tlett xhur ħabs;

22 t’April:  Daqquqa milquta misjuba fil-Miżieb;

24 t’April:  Żagħżugħ  milqut miċ-ċomb sparat minn kaċċatur f’Pembroke; il-kaċċatur jagħtieh daqqa ta’ ħatra; il-kaċċatur jittella l-Qorti;

25 t’April: il-CABS xhieda ta’ sparar fuq spanjulett ħdejn l-ajruport;

25 t’ April: il-CABS xhieda (b’filmat) ta’ kaċċatur jispara wara l-curfew;

25 t’April:  il-CABS isibu daqquqa feruta oħra moħbija fil-Miżieb;

26 t’April:  gawwi isfar b’feriti biċ-ċomb misjub f’Pembroke;

27 t’April: Spanjulett ferut jaqa’ fil-ground tal-Kulleġġ St Edwards School, il-Birgu;

B’żieda ma dan kien hemm total ta’ 63 każ ta’ użu ta’ tapes b’tisfir irrekordajat tal-għasafar (illegal bird callers) li ġew identifikati mill-CABS.

Dan kellu jkun l-aħħar cans.

Joseph irid idaħħaq

Shot bird. St Edwards 270415

 

Wara l-każ tal-ispanjulett milqut darbtejn li waqa’ fil-ground tal-iskola St Edward’s College fil-Birgu Joseph Muscat għalaq l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa għal din is-sena tlett ijiem qabel ma kien fil-fatt jagħlaq.

Kien ikun aħjar kieku Muscat spjega kif inhu possibli li jkun hemm min jispara lejn l-għasafar (protetti u mhux) fl-abitat u ħdejn skola.

X’kienu qed jagħmlu l-Pulizija biex f’dawn il-ġranet ma qabdu lil ħadd?

Possibli li ma qabdu lil ħadd fl-inħawi?  Possibli li ħadd ma ċempel jilmenta dwar il-kaċċa fl-inħawi fuq 119?

Joseph Muscat irid idaħħaq, bħas-soltu.