F’Tal-Mirakli : theddid u twissija

rape

(ritratt ta’ Newsbook.com.mt)

 

Dalgħodu Alternattiva Demokratika indirizzat konferenza stampa dwar il-bini li beda fl-area tal-Mirakli ġewwa Ħ’Attard fuq art li sal-2006 kienet barra miż-żona tal-iżvilupp.

Il-krew tal-PBS x’ħin kienu fi triqithom għal din il-konferenza kienu mhedda minn persuni li kienu qed jaħdmu fuq is-sit ta’ kostruzzjoni li dwaru saret il-konferenza stampa. Ara r-rapport tal-PBS hawn.

L-istqarrija maħruġa minn Alternattiva Demokratika wara l-konferenza stampa intqal kif ġej :

Il-proprjeta’ vojta: sinjal ta’ twissija

L-ammont ta’ proprjetajiet residenzjali vojta hu sinjal ta’ twissija. Bi 72,150 unit residenzjali vojt ma nistgħux nibqgħu nibnu iżjed art li sa ftit ilu kienet barra miż-żona ta’ żvilupp. Hekk qal Carmel Cacopardo, Deputat Chairperson u kelliemi ta’ Alternattiva Demokratika għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Intern, fl-inħawi Tal-Mirakli f’Ħ’Attard huwa u jindirizza konferenza stampa dwar il-pjani lokali u r-razzjonalizzazzjoni tal-iskemi ta’ żvilupp.

Il-konferenza stampa saret quddiem medda art li saret skedata għall-bini bħala riżultat tal-proċess ta’ razzjonalizzazzjoni li l-Gvern immexxi mill-PN wettaq fl-2006. Din l-art sa dakinnhar kienet parti minn “green belt” . Fuq din l-art fit-18 ta’ Lulju 2013 il-MEPA ħarġet permess biex jinbnew 24 garage u store fil-basement u 19 il-unit residenzjali fil-ħames sulari l-oħra (6 maisonettes, 9 flats u 4 penthouses).

Cacopardo żied jgħid li “dan kollu qed isir minkejja li preżentement f’Malta hawn 72,150 unit residenzjali vojt. Żieda sostanzjali fuq it-53,136 proprjeta’ vojta fl-2005 u l-35,723 fl-1995.”

“Alternattiva Demokratika,” kompla jgħid Cacopardo “ma taqbilx li dawn l-artijiet jinbnew. Pajjiżna ma jistax jibqa’ jissagrifika iktar art biex fuqha jinbnew iktar residenzi meta fiċ-ċensiment ta’ sentejn ilu kienu identifikati 72,150 post residenzjali vojt. M’għandniex bżonn nibnu fuq skala kbira għal ħafna snin. Fil-kuntest tar-reviżjoni tal-pjani lokali Alternattiva Demokratika jidhrilha li għad baqa’ cans żgħir biex nirrimedjaw. Dan jista’jsir billi l-iskema tar-razzjonalizzazzjoni tispiċċa u l-art li kienet hekk identifikata ma tibqax tajba ghall-bini. Huwa importanti ukoll li nifhmu li ma jagħmilx sens li jkollna iktar proġetti massiċċi ta’ żvilupp residenzjali. Il-kwantita’ ta’ propjeta’ residenzjali vakanti għandha tkun fattur ewlieni u l-bażi ta’pjani lokali ġodda.”

Ralph Cassar, Segretarju Generali ta’ Alternattiva Demokratika u Kunsillier fil-Lokalita ta’ Ħ’Attard qal li “l-bini bla rażan li għaddej kif ukoll il-fatt illi hawn numru kbir ta’ proprjetajiet vojta qed joħloq pressjoni żejda fuq l-infrastruttura tal-lokalitajiet. Ħ’Attard mhux eċċezzjoni għal dan. Il-flejjes li ser ikunu meħtiega għall-izvilupp u ż-żamma f’kundizzjoni tajba tal-infrastruttura li taqdi dawn it-72,150 post residenzjali vojt setgħu faċilment intużaw biex titjieb l-infrastruttura eżistenti. Iż-żieda fin-numru ta’ propjetajiet residenzjali vojta,” ikkonkluda Cassar, “barra milli toħloq impatti ambjentali inaċċettabbli, hi ukoll ħela ta’ fondi pubbliċi.”

Ic-Chairperson ta’ Alternattiva Demokratika, il-Prof  Arnold Cassola, ikkonkluda  billi qal: “Bil-konċessjoni ta’ żieda ta’ żewg sulari lil-lukandi, bit-tiġdid awtomatiku sa Marzu 2014 tal-permessi ta’ żvilupp li l-MEPA ħarget minn Awwissu 2006 lil hawn, kif ukoll bil-ħrug ta’ diversi permessi għal żvilupp insostenibbli bħal dak ta’ Sqaq Żbibu f’San Gwann, il-MEPA għan-nom tal-gvern qed turi bil-fatti li ma jimpurtahiex mid-drittijiet tar-residenti. Jidher li issa huwa ż-żmien tal-ħlas lura ta’ dak dovut lill-industrija tal-bini talli għenet lill-partit illum fil-gvern qabel l-elezzjoni.”

Sqaq Żbibu : il-MEPA tħokk rasha

Illum quddiem il-Bord tal-MEPA sar smiegħ dwar applikazzjoni ta’ żvilupp biex medda ta’ art ta’ madwar 3000 metru kwadru fi Sqaq Żbibu San Ġwann tkun żviluppata. L-applikazzjoni PA 1104/04 titlob żvilupp ta’ 53 appartament (11 b’kamra tas-sodda waħda, 13 b’żewġt ikmamar tas-sodda u 29 bi tlett ikmamar tas-sodda) u 7 penthouses (waħda b’kamra tas-sodda waħda, 5 b’żewġt ikmamar tas-sodda u waħda bi tlett ikmamar tas-sodda flimkien ma numru ta’ garaxxijiet f’żewġ livelli taħt l-art.

40 familja appoġġati minn Flimkien għal Ambjent Aħjar u Alternattiva Demokratika opponew dan l-iżvilupp u ippreżentaw sottomissjonijiet quddiem il-Bord tal-MEPA għal iktar minn sagħtejn.

Il-Bord tal-MEPA wara li sema’ kollox iddeċieda li dak li qalu r-residenti, Flimkien għal Ambjent Aħjar u Alternattiva Demokratika kellu jkun eżaminat iktar fil-fond. Fil-fatt il-Bord tal-MEPA ippospona konsiderazzjoni tal-applikazzjoni għal nhar il-5 ta’ Settembru li ġej biex ikunu eżaminati 4 punti fundamentali u ċjoe : l-arkijoloġija tal-post, shelter li hemm fil-post li s’issa ma ġiex eżaminat, titjib fid-diżinji tal-faċċata u dettalji ta’ kif ser isir titjib tal-immaniġjar tat-traffiku.

Nistennew  u naraw !