Wara l-ftuħ tal-istaġun tal-kaċċa …………..

 

Il-Gvern ta’ Robert Abela hu irresponsabbli li fetaħ l-istaġun tal-kaċċa.

B’dan il-pass qed tkun mhedda l-kredibilità tal-miżuri tajba kollha li ttieħdu s’issa biex ikun evitat it-tixrid tal-coronavirus. Il-Pulizija li ser ikollhom jagħmlu r-ronda kontra l-abbuzi tal-kaċċaturi (madwar 40 pulizija) ser jittieħdu minn fuq xogħol ieħor li hu essenzjali, ewlieni fosthom dak li jkunu sorveljati dawk li qegħdin kwarantina.

Mela kulħadd ingħata l-parir biex nibqgħu ġewwa, sakemm ma jkunx hemm il-bżonn li noħorġu. Allura dan mhux qżież li qed jinfetaħ l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa f’dan il-mument partikolari?

Kif issa nippretendu li l-bqija jsegwu d-direttivi tad-Dipartment tas-Saħħa u jibqgħu ġewwa?

Mbagħad, wara kollox, jekk ma jkun ġara xejn li joħorġu l-kaċċaturi fil-kampanja x’iżommna jekk noħorgu aħna, l-bqija, dawk li ma naqblux mal-kaċċa fir-rebbiegħa? Xi jżommna milli noħorġu tlieta tlieta bid-distanza ta’ żewġ metri l-bogħod minn xulxin biex nammiraw is-sbuħija tal-kampanja? Inkunu qed insegwu id-direttivi tad-Dipartiment tas-Saħħa. Mhux hekk?

Hekk donnu jrid Robert Abela.

Joseph irid idaħħaq

Shot bird. St Edwards 270415

 

Wara l-każ tal-ispanjulett milqut darbtejn li waqa’ fil-ground tal-iskola St Edward’s College fil-Birgu Joseph Muscat għalaq l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa għal din is-sena tlett ijiem qabel ma kien fil-fatt jagħlaq.

Kien ikun aħjar kieku Muscat spjega kif inhu possibli li jkun hemm min jispara lejn l-għasafar (protetti u mhux) fl-abitat u ħdejn skola.

X’kienu qed jagħmlu l-Pulizija biex f’dawn il-ġranet ma qabdu lil ħadd?

Possibli li ma qabdu lil ħadd fl-inħawi?  Possibli li ħadd ma ċempel jilmenta dwar il-kaċċa fl-inħawi fuq 119?

Joseph Muscat irid idaħħaq, bħas-soltu.