Is-switch ta’ Adrian Delia

L-editorjal tas-Sunday Times ta’ Malta tal-lum jitkellem dwar kif Adrian Delia, il-mexxej tal-lum tal-PN, qiegħed taħt investigazzjoni.

Jgħidilna l-editorjal, li l-FIAU, tmien xhur ilu, kkonkludiet rapport dwar il-klijenti ta’ Soho ta’ Adrian Delia l-avukat. Għax minn dak li ntqal madwar sena u nofs ilu minn DCG konna sirna nafu dwar il-klijenti kkuluriti li kellu Dottor Adrian Delia.

Il-Pulizija, jidher, dejjem skond is-Sunday Times, li fetħu investigazzjoni immedjatament hekk kif irċevew dan ir-rapport, għax xi ħaġa hekk il-Pulizija Maltija jidħlulha bir-ras. Kif jagħmlu dejjem, il-Pulizija Maltija mill-ewwel tinvestiga, ma tantx tagħti ċans.

Dwar din l-investigazzjoni jidher li hemm skiet sħiħ fil-PN.

Probabbilment li, kif qal Delia innifsu, fil-PN mill-ewwel fehmu li dak li għamel Adrian Delia meta ma kienx għadu tħajjar għall-ħajja fil-politika m’għandu x’jaqsam xejn ma kif għandna nezaminaw l-imġieba tiegħu illum, bħala Kap tal-Opposizzjoni. Għax dak li jirrikjedu klijenti bbażti f’Soho huwa ferm differenti minn dak li jeħtieġ il-Partit Nazzjonalista llum.

Għax ftit jafu li hekk kif Adrian Delia l-avukat sar Kap tal-Opposizzjoni intefa’ s-switch tal-imġieba tiegħu preċedenti!

Dawn huma l-valuri li l-PN tal-lum b’konvinzjoni kbira jħaddan.