Id-Divorzju : ħawwadni forsi nifhem (5)

 

Il-kobba tkompli titħabbel : l-effett fuq it-tfal.

Il-kobba kompliet titħabbel. Issa kulħadd qed taħarqu qalbu għat-tfal. Qed jgħidulna li l-iktar li ser ibagħtu huma t-tfal jekk ser jiġi introdott id-divorzju.

Ħa naraw ftit x’inhu propost.

Ir-referendum qed jipproponi li jkun introdott divorzju f’kaz ta’ koppji li jkunu ilhom separati ta’ l-inqas 4 snin u li dwarhom medjazzjoni ma tkunx tat riżultat posittiv.

Id-divorzju, kif propost, hu applikabbli biss jekk ikun hemm separazzjoni li tkun ilha 4 snin (ta’ l-inqas). It-tbatija tal-ulied fil-konfront ta’ nuqqas ta’ familja stabbli għaldaqstant m’hiex ser tibda bid-divorzju. Ser tkun ilha li bdiet.  U la l-medjazzjoni ma tkunx tat riżultat il-bieb għal rimedju għat-tbatija tal-uliedu u l-ġenituri ikun ilu magħluq żmien.  

Is-soluzzjonijiet possibli għal din it-tbatija huma diversi. Waħda mis-soluzzjonijiet hi d-divorzju għax tista’ twassal għall-ħolqien ta’ familja ġdida li tnaqqas din it-tbatija. Tista’ tnaqqasha ftit imma tista’ tnaqqasha ħafna ukoll. Jiddependi miċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ, li kif nafu l-ebda wieħed m’hu bħall-ieħor.

Min ma jaqbilx mad-divorzju minħabba t-tbatija tat-tfal għandu jkun onest u jgħid li jekk każ jieqaf mas-separazzjoni (jiġifieri l-koppja tibqa’ separata) t-tbatija tat-tfal mhiex ser tkun inqas.

Jekk xi waħda mill-partjiet tikseb annullament jew tiddeċiedi li tikkoabita t-tbatija xorta tibqa’ hemm.

Mela ejja jkollna diskussjoni iktar onesta u ngħidu l-fatti kif inhuma. Li d-disintegrazzjoni ta’ familja ser iġġib it-tbatija fuq kull wieħed mill-membri tagħha. U m’hemmx differenza jekk din insejħulhiex separazzjoni, annullament, koabitazzjoni jew divorzju. M’humiex l-istess : imma l-effetti ta’ tbatija li joħolqu fuq il-membri tal-familja huma kważi xorta.

Fl-opinjoni tiegħi l-issue hi waħda: iż-żwieġ hu rabta għal dejjem, jew hemm xi ċirkustanzi li jippermettu li dan jinħall?

L-introduzzjoni ta’ liġi tad-divorzju f’Malta tippermetti lil kull wieħed u waħda minnha li jieħu d-deċizjoni tiegħu jew tagħha u dan minflok ma jkun meħtieġ li issiefer inkella tbaxxi rasek għad-deċiżjoni li jieħu għalik l-istat.

Għalhekk il-vot IVA. Biex kull wieħed u kull waħda minna niddeċiedu aħna u mhux jiddeċiedi għalina ħaddieħor.

ara ukoll fuq dan il-blog

Id-Divorzju : ħawwadni forsi nifhem (1) : Il-mandat.

Id-Divorzju : ħawwadni forsi nifhem (2) : Referendum; meta ?

Id-Divorzju : ħawwadni forsi nifhem (3) : Bejn kalkoli u realta’

Id-Divorzju : ħawwadni forsi nifhem (4) : Il-Partit Progressiv fejn hu ?

Politika dwar id-divorzju tal-Partit Laburista Malti.

The politics of divorce 

Advertisements