Is-Servizz tas-Sigurta’ f’Malta u l-politika partiġjana

interception

Il-Kap tal-Opposizzjoni għamel sewwa li talab li jiltaqa’ l-Kumitat ta’ Sigurta’ imwaqqaf taħt l-Att dwar is-Servizz tas-Sigurta’ .  Kif għamel tajjeb ukoll il-Prim Ministru li aċċetta t-talba u ser ilaqqa’ l-Kumitat tas-Sigurta għada.

Il-Kap tal-Opposizzjoni hu ġustament ippreokkupat bil-presenza tal-Ministru tal-Intern għal intervisti dwar l-ingaġġ ta’ rekluti ġodda fis-Servizz tas-Sigurta. Il-preokkupazzjoni ta’ Alternattiva Demokratika tmur lil hinn minn hekk għax jidhrilha li l-Ministru l-anqas rwol fl-approvazzjoni ta’ ħatriet ġodda m’għandu jkollu. Huwa preokkupanti ukoll kif il-permess lis-Servizz tas-Sigurta’ li jissemmgħu t-telefonati jingħataw mill-Ministru u mhux mill-Qorti kif jiġri fil-parti l-kbira tal-pajjiżi demokratiċi.

Għandu jingħad li dan ma sarx issa, iżda meta ġiet imfassla l-liġi  li flok ma tat is-setgħa lill-Maġistrat tal-Għassa biex jawtorizza lis-Servizz tas-Sigurta’ li jissemma’ daret fuq il-Ministru u tat l-awtorita’ lilu. Dan tefa’ dell ta’ kontroll politiku li jista’ jiġi użat mill-Gvern tal-ġurnata kif kien fil-fatt allegat li sar f’ta’ l-inqas żewġ ċirkustanzi fil-passat.

Ma nafx jekk tiftakrux meta Franco Debono ma kienx mar jivvota l-Parlament. U wara ftit tfaċċa. Dakinnhar kien intqal li l-presenza ta’ Franco Debono biex jivvota fil-Parlament waqt is-seduta tat-Tnejn 14 ta’ Diċembru 2009 kienet riżultat ta’ intervent tas-Servizzi tas-Sigurta’. Kien intqal li kien intuża apparat tas-Servizzi tas-Sigurta’ biex instab.  Allegazzjoni li kienet ġiet miċħuda. Ċaħda li bosta ma emmnux.

L-istess kien ġie allegat minn Evarist Bartolo u Jeffrey Pullicino Orlando dwar min kien qiegħed jissemma’ t-telefonati ta’ bejniethom.

Alternattiva Demokratika hi ppreokkupata ukoll dwar l-ispjunaġġ elettroniku li għaddej bħalissa mill-Istati Uniti tal-Amerika fuq l-istituzzjonijiet Ewropej u l-istati membri, kif żvelat minn Der Spiegel fi tmiem il-gimgħa. Ma nafux jekk Malta u l-ambaxxati tagħha humiex effettwati. Ikun għaqli jekk fil-laqgħa ta’ għada tal-Kumitat tas-Sigurta’ ikun iċċarat jekk Is-Servizz tas-Sigurta’ huwiex ippreparat biex jiddefendi l-interessi Maltin f’dan ir-rigward.

Filwaqt li Alternattiva Demokratika m’għandha l-ebda rwol fil-Kumitat dwar is-Sigurta’ nittama li mil-laqgħa ta’ għada joħroġ ċar kif dan is-servizz jista’ jitmexxa lil hinn mill-politika partiġjana.