Il-106 każ ta’ Covid-19 li irriżultaw il-bieraħ huma bozza ħamra li ilha itteptep.
Bla dubju kulħadd xeba’ ġewwa. Huwa ukoll validu l-argument li ma nistgħux nibqgħu bl-ekonomija kważi wieqfa. Imma s-soluzzjoni mhiex qegħda fl-estremi: jew kollox magħluq inkella kollox miftuħ. Nejja jew maħruqa!
Il-mixja lura lejn in-normalità mhiex waħda faċli. Mhux ser isseħħ mil-lum għal għada. Teħtieġ il-paċenzja min-naħa ta’ kulħadd. Teħtieġ ukoll sens ta’ responsabbiltà billi nsegwu l-prewkazzjonijiet kollha neċessarji, fosthom li nilbsu l-maskri protettivi, mhux biss biex nipproteġu lilna nfusna imma fuq kollox biex nipproteġu lill-oħrajn.
L-argument bħalissa huwa jekk l-iskejjel għandhomx jiftħu jew le. Fin-nofs hemm l-interess tal-edukazzjoni tal-istudenti, il-ħtiega tal-genituri li jaħdmu u s-saħħa kulħadd: fuq quddiem nett dik tal-istudenti kif ukoll tal-għalliema kif ukoll ta’ dawk kollha nvoluti fl-amministrazzjoni tal-iskejjel u tal-istituzzjonijiet edukattivi.
Hemm ħafna argumenti validi għax l-iskejjel u l-istituzzjonijiet edukattivi għandhom jiftħu.
L-ewwel u qabel kollox hu fl-interess tal-istudenti, kbar u żgħar, li l-istituzzjonijiet edukattivi jerġgħu jiftħu l-bibien tagħhom. Hemm limitu dwar kemm jista’ jsir tagħlim effettiv b’mod virtwali. It-tagħlim b’mod elettroniku bla dubju jista’ jgħin – hu għodda tajba – imma qatt ma jista’ jissostitwixxi l-kuntatt dirett bejn l-għalliema u l-studenti. F’numru ta’ każi ta’ studenti vulnerabbli l-kuntatt dirett bejn l-għalliem u l-istudent hu l-unika mezz ta’ tagħlim effettiv. Dawn huma fost l-iktar li batew bl-għeluq komplet tal-iskejjel u l-istituzzjonijiet edukattivi. Il-ħsara li saritilhom mhux faċli li tkun rimedjata. Bħala riżultat tal-għeluq tal-iskejjel, effett dirett tal-Covid-19, hemm numru ta’ tfal li qegħdin fil-periklu li jintilfu għal kollox għas-sistema edukattiva!
L-iskejjel jeħtieġ li jiftħu ukoll għax il-genituri jeħtieġ li huma ukoll imorru għax-xogħol. L-għeluq tal-iskejjel qed iżżomm numru ta’ ġenituri milli jmorru lura għax-xogħol għax inkella ma jibqa’ ħadd biex jieħu ħsieb l-ulied. Niftakru li issa anke in-nanniet huma out of action għax huma fost il-vulnerabbli! Mhuwiex raġjonevoli li nistennew li f’dan il-mument kritiku jerfgħu l-piż in-nanniet, b’periklu għal saħħithom.
Mhux kull xogħol hu possibli li jsir bit-telework! Fejn hu possibli dan għandu jibqa’ jsir. Imma kif nafu ilkoll dan mhux possibli dejjem.
Fid-dawl tal-ispluzjoni ta’ każi tal-Covid-19 naħseb li minkejja l-ħtieġa li l-iskejjel jiftħu m’huwiex prattiku li dawn jiftħu kompletament u dan biex jonqos ir-riskju tal-imxija tal-Covid-19. Huwa l-każ li nesploraw li minflok ma jiftħu kompletament l-iskejjel jiftħu bil-mod biex jerġgħu jibdew jistabilixxu kuntatt (anke jekk wieħed minimu) mal-istudenti u jkun possibli li tkun imħarsa is-saħħa ta’ kulħadd.
Is-soluzzjoni hi filli nimxu b’mod gradwali, bil-mod, pass pass. Hu l-unika mod li bih nistgħu naslu. Aħjar pass żgħir il-quddiem, b’kuntatt minimu flok bil-bibien magħluqin.