X’inhu għaddej bejn il-PN u 17 Black ?

L-aħbar fit-Times tal-Ħadd dwar il-laqgħa bejn il-Membri Parlamentari tal-PN Kristy Debono u Hermann Schiavone ma Yorgen Fenech ta’ 17 Black fil-21 sular tat-torri ta’ Portomaso hi prova tal-wiċċ b’ieħor tal-Partit Nazzjonalista.

Is-17 Black hi kumpanija (inkorporata fid-Dubai) li dwarha hemm allegazzjoni ta’ tixħim li fih jissemmew Konrad Mizzi u Keith Schembri. Niftakru fl-emails dwar l-iskandlu Panama fejn intqal minn fejn ġejjin il-miljuni fil-kontijiet bankarji ta’ Mizzi u Schembri.
Dakinnhar il-PN għamilha tal-paladin kontra l-korruzzjoni. Imma llum imur għand l-istess 17Black biex jitolbu l-għajnuna.

Kristy Debono qalet li talbet għajnuna dwar użu ta’ sala żgħira għall-konferenzi. Hermann Schiavone min-naħa l-oħra kien evażiv u ma riedx jagħti informazzjoni.

Kif tista’ temmen lil dawn in-nies (u lil sħabhom) meta jitkellmu kontra l-korruzzjoni?
Kristy Debono u Hermann Schiavone għandhom l-obbligu li jagħtu spjegazzjoni pubblika. Anzi, li kieku l-Partit Nazzjonalista kien serju, diġa ssospendihom.

Imma ilna nafu, li s-serjetà ma toqgħodx tal-Pietà.

Advertisements

Naqbel ma’ Joseph ……………. u ma’ Hermann, u ma’ Michael u ma’ Ralph

Joseph Muscat ihobb jiccajtahermann schiavonemichael-briguglioRalph-Cassar

 

Il-bieraħ Joseph tkellem dwar is-solidarjetà. Solidarjetà mal-Greċja u l-Italja huma u jissieltu biex bir-riżorsi limitati tagħhom jassistu lir-refuġjati. Joseph qal li “ma nistgħux nitkellmu dwar solidarjetà jekk meta tiġi s-siegħa tal-prova ma nipprattikawhiex.”

Wara din id-dikjarazzjoni ċara ta’ Joseph favur is-solidarjetà ikun xieraq jekk huwa ukoll jingħaqad mal-kunsilliera Hermann Schiavone (kunsillier f’Birżebbuġa), Michael Briguglio (kunsillier f’Tas-Sliema, Ralph Cassar (kunsillier f’Ħ’Attard) u ma’ ħafna kunsilliera oħra ta’ rieda tajba li qed jipproponu illi l-komunitajiet tagħna jaddottaw familja ta’ refuġjati mis-Sirja.

Fi kliem Joseph, din hi is-siegħa tal-prova u għalhekk ikun xieraq li l-Gvern Malti jissieħeb mal-Kunsilli Lokali u l-NGOs li jixtiequ b’solidarjetà jaddottaw familja Sirjana.

Dan ikun messaġġ ċar ta’ solidarjetà, li l-poplu Malti dejjem wera ma’ min hu dgħajjef u mgħakkes.