€20 miljun dejn tal-Partit Nazzjonalista: mhux affarik?

ann fenech

 

Fuq il-programm ta’ diskussjoni Reporter li jmexxi Salvu Balzan fuq TVM , Ann Fenech, meta mistoqsija minn Ian Borg dwar jekk hux veru illi l-Partit Nazzjonalista għandu €20 miljun dejn b’mod arroganti wieġbet: mhux affarik.

Ann Fenech hi żbaljata. Din l-informazzjoni hi affari ta’ kulħadd. Partit Politiku f’Malta li għandu €20 miljun dejn għandu problemi kbar, anke jekk għandu assi x’jagħmel tajjeb għal dan id-dejn. Hi informazzjoni li f’soċjetà demokratika hu neċessarju li tkun magħrufa .

Is-soċjetà għandha dritt li tkun taf xi pressjonijiet hemm fuq l-amministrazzjoni tal-partiti politiċi. Dejn ta’ dak il-kobor joħloq pressjoni kbira kemm fuq l-imġieba kif ukoll fuq id-deċizjonijiet ta’ dawk li huma responsabbli għalih.

Hi responsabbiltà etika tal-partiti politiċi li ma jaħbux din l-informazzjoni. Idealment kellu jkun il-partit nazzjonalista innifsu li jagħti din l-informazzjoni. Ir-rifjut li Ann Fenech twieġeb mistoqsija leġittima ta’ avversarju politiku hi attitudni arroganti.

Hu għalhekk li ġustament il-liġi dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi titfa l-obbligu fuq kull partit politiku reġistrat li jippreżenta l-kontijiet verifikati tiegħu kull sena. Dawn il-kontijiet verifikati ser ikunu pubbliċi.

Hi ħasra kbira li Ann Fenech, President tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista qed tieħdu din l-attitudi arroganti.

 

L-idejaliżmu ta’ Marlene

Marlene Farrugia2

L-intervista ta’ Marlene fuq Reporter ta’ nhar it-Tnejn li għadda hi xhieda tal-idealiżmu tagħha.

Baqgħet tittama li l-partit li f’ismu ġiet eletta fil-Parlament jiftaħ għajnejh u jirrealizza illi għandu programm elettorali li wiegħed li jwettaq. Tħoss li l-iktar rabta importanti tagħha hi mal-programm elettorali u mhux mal-partit li bosta drabi jidher li nesa’ dak li wiegħed.

Għalhekk għażlet li tkun indipendenti. Tinsisti li hi baqgħet lealissima lejn dak li ġie imwiegħed biex inkisbu il-voti fl-elezzjoni ġenerali. Huwa dan li jimmotiva l-ħidma tagħha, għax, għaliha, l-lejaltà lejn l-idejal fil-politika tiġi qabel il-lejaltà lejn il-partit. Għax il-partit mhux qiegħed hemm biex jistaħbew warajh!

Fuq quddiem fil-lista tad-diżappunti ta’ Marlene hemm in-nuqqas ta’ trasparenza fil-ħidma tal-Gvern. Hemm ukoll il-privatizzazzjoni tal-Enemalta b’sehem fiha issa f’idejn is-Shanghai Electric Power (ksur sfaċċat ta’ wegħda elettorali Laburista), n-nuqqas ta’ politika ambjentali sura u bosta affarijiet oħra.

Marlene vuċi fid-deżert?  Ma jidhirx li kien hemm wisq appoġġ għall-posizzjoni tagħha fil-grupp parlamentari laburista għax bosta kienu dawk li beżgħu mir-riperkussjonijiet fuq il-karriera politika tagħhom kieku għażlu li jlissnu kelma. Dan minkejja li l-grupp parlamentari laburista ġie imġenneb diversi drabi: kien isir jaf b’diversi deċiżjonijiet mill-gazzetti.

Quddiem dawn l-affarijiet kollha, hu ta’ sodisfazzjon li Marlene għadha titbaqbaq favur l-idejal : li sservi lin-nies, dejjem b’konsistenza mal-programm elettorali li tpoġġa quddiem l-elettorat f’Marzu 2013.