Mario de Marco : bejn mistoqsija u tweġiba

Mario de Marco2

Ftit iktar minn xahar ilu Mario de Marco, f’artiklu ippubblikat fuq l-Indipendent , qal li kuljum jistaqsi lilu nnifsu l-mistoqsija “għalfejn qiegħed fil-politika?” It-tweġiba li jagħti fl-istess artiklu kienet (u bla dubju għadha) is-sens ta’ dover li jħoss lejn dawk kollha li jiltaqa’ magħhom fil-ħajja ta’ kuljum. Hi tweġiba li tpoġġi s-servizz lejn il-komunità u mhux il-gwadann personali bħala l-mira tal-involviment fil-ħajja politika.

Ġimgħa ilu l-Malta Today ippubblikat artiklu ffirmat minn Salvu Balzan li fih qalet li Mario de Marco kellu kuntrattur [Redmap Construction Limited ta’ Pierre Sladden] li kien qed jagħmel xogħol ta’ alterazzjonijiet fi propjetà li hu għandu fin-Naxxar. Dan ix-xogħol, qalet il-Malta Today, ilu sejjer mill-2011 meta Mario de Marco kien Ministru responsabbli (fost affarijiet oħra) għall-MEPA.

Imma, qalet il-Malta Today, kien biss wara li faqqa’ l-iskandlu dwar Adrian Hillman [Managing Director tal-kumpaniji li jippubblikaw il-gazzetti The Times u The Sunday Tmes] li Mario de Marco talab il-kont tax-xogħol mingħand il-kuntrattur.

L-artiklu tal-Malta Today, ippubblikat lejliet id-diskussjoni fuq il-mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Gvern jimplika li dan ix-xogħol kien meqjus bħala rigal. Kien artiklu li qanqal dubju serju sakemm Mario de Marco ta’ l-ispjegazzjoni tiegħu [fil-media u fil-Parlament] fis-sens li hu kien ilu jitlob kont tax-xogħol u li l-kuntrattur kien qed iwieġeb illi l-kont jinħareġ hekk kif jitlesta x-xogħol.

Xi ftit dubju ser jibqa’ dejjem, imma l-kredibilità ta’ Mario de Marco, fil-fehma tiegħi ixxaqleb il-miżien favur tiegħu.

Dan il-każ juri kemm huwa żbaljat il-Parlament li jħalli fuq l-ixkaffa l-abbozz ta’ liġi dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika, abbozz li ilu li ġie ippreżentat u approvat fl-ewwel qari sa mill-14 ta’ Mejju 2014. Meta l-Parlament japprova din il-liġi jkollu l-għodda biex ikunu investigati immedjatament dawn it-tip ta’ stejjer.

Għax filwaqt li tajjeb li tkun ippubblikata l-istorja fil-gazzetti, huwa daqstant ieħor importanti illi jingħataw spjegazzjonijiet minn dawk involuti. Il-mistoqsija trid issir imma għandna dritt ukoll għal risposta ċara. Għax min hu maħmuġ għandu jkun espost, imma min m’huwiex m’għandux ikun imħammeġ għal gwadann politiku tal-mument.

Il-ħmieġ inissel iktar ħmieg

demarco.hillman

 

L-istorja fl-ewwel paġna tal-lum tal-Malta Today hi ovvjament ritaljazzjoni għall-istejjer tal-Panama Papers dwar Konrad Mizzi u Keith Schembri l-Kasco. B’mod partikolari qed tagħti messaġġ li l-għeruq tal-ħmieġ madwar il-kumpaniji li jippubblikaw it-Times u s-Sunday Times huma mifruxa ferm iktar milli naħsbu.

Il-fattur komuni hu l-kuntrattur Pierre Sladden ta’ Redmap Construction Limited li ħadem fuq il-binja tal-Istamperija l-ġdida fl-Imrieħel. Il-kobba hi imħabbla sewwa u ma noħodhiex bi kbira li għad irridu nisimgħu ħafna iktar. Inkluż iktar ismijiet.

L-istorja tal-lum tiffoka fuq persuni madwar Adrian Hillman u m’hiex biss attakka fuq Mario de Marco imma ukoll attakk fuq uffiċjali oħra tal-kumpaniji li jippubblikaw it-Times u s-Sunday Times, inkluż fuq dak li presentement qed jimla l-post ta’ Adrian Hillman b’mod temporanjament.

Dan hu każ ieħor li bih għal akkużi ta’ irregolaritajiet qed tingħata t-tweġiba: “għax ma tarax x’għamilt int u ta’ madwarek”! Għax b’hekk il-partijiet jibqgħu jitgħajjru u jippruvaw jiġġustifikaw li ma jieħdu l-ebda pass fuq xejn.

Pajjiżna jixraqlu ħafna aħjar.