Ir-RAI dwar it-theddid li irċeviet Daphne. Il-Pulizija għalqu għajnejhom?

Qed jingħad li jista’ jkun li dawk involuti fil-qtil ta’ Daphne huma persuni li jissemmew fil-kitbiet ta’ Caruana Galizia. Ir-RAI qed jirrapporta li l-Pulizija Maltija, bl-għajununa tal-esperti forensiċi Olandiżi u Amerikani qed tifli l-kitbiet (fil-blog) ta’ Daphne b’attenzjoni partikolari għax-xahar ta’ Marzu li għadda fejn hi titkellem dwar theddid.

Ir-RAI qed jgħid li “Un gruppo di esperti sta analizzando in dettaglio tutti gli articoli, sia quelli recenti sia quelli di alcuni mesi fa, in particolare quelli in cui Caruana Galizia si riferisce alle minacce.”

Issa l-mistoqsija loġika u li toħroġ kważi waħedha hi għaliex dawn il-kitbiet li jagħtu dettalji dwar dan it-theddid ma ġewx investigati mill-Pulizija Maltija meta fil-fatt inkitbu u kienu friski? In-nuqqas ta’ azzjoni mill-Pulizija dakinnhar wasslet messaġġ li dan it-theddid ma kienux qed jikkunsidrawh bis-serjetà.

Il-pulizija kienu jafu b’dawn il-kitbiet għax dawn jista’ jaqrahom kulħadd. Allura mhux inkompetenza grassa li tibda investigazzjoni dwarhom issa iktar minn sitt xhur wara? Għaliex il-Pulizja Maltija meta iffaċċjata b’kitbiet li jitkellmu dwar it-theddid ma tawx każ tiegħu? Għalfejn kellu jkun dan il-qtil biex forsi jiċċaqalqu ftit?

Possibli li l-Pulizija Maltija trid l-għajnuna tal-esperti forensiċi Olandiżi u Amerikani biex tifhem u tieħu azzjoni dwar dak miktub fuq il-blog ta’ Daphne? Inkompetenza ikbar minn din ftit hemm possibilità li nisimgħu biha. Għalhekk ir-riżenji huma meħtieġa, u mhux biss tal-Kummissarju tal-Pulizija.

Għal dak li qalet ir-RAI agħfas hawn.