Il-gwerra ċivili li bħalissa għaddejja fil-PN ma hi ser tagħmel ġid lil ħadd. La fil-PN u l-anqas barra minnu.
Kuntrarju għal dak li jingħad minn uħud f’mumenti ta’ saħna u rabja, l-qagħda attwali tal-PN la ħi ħtija ta’ Adrian Delia u l-anqas ma hi ħtija ta’ Simon Busuttil. Għalkemm it-tnejn li huma ikkontribwew għad-diżintegrazzjoni tal-partit, pass wara pass, fl-aħħar it-tnejn huma ukoll vittmi ta’ ċirkustanzi li ilhom jiżviluppaw sa minn l-aħħar leġislatura li fiha l-Partit Nazzjonalista kien fil-Gvern.
Kien żmien li l-PN fil-Parlament iffaċċa rewwixta fil-grupp parlamentari. Irribellaw mhux biss dawk li eventwalment ivvutaw kontra l-PN fil-Gvern, jiġifieri Franco Debono, Jeffrey Pullicino-Orlando u Jesmond Mugliett, imma bosta oħrajn fuq materji serji ħafna. Xi darba l-istorja reali tinkiteb.
Tiftakru, per eżempju lil Robert Arrigo, illum Viċi Kap, iqabbel lit-tmexxija tal-PN (ta’ Lawrence Gonzi) ma karozza miexja fuq 4 flat tyres?
Hu ċar ħafna li l-kriżi tal-lum fil-PN għandha egħruq fondi li jmorru lura s-snin. Kriżi li tħalliet tikber mingħajr ma tkun indirizzata sakemm issa tant kibret bil-konsegwenzi disastrużi li qed naraw jiżviluppaw.
Ir-riżenji u l-isfiduċja ma huma ser isolvu xejn. Il-PN għandu bżonn li jfittex il-kawża vera u jindirizzha. Sakemm jagħmel hekk ser ikompli jitmermer biċċa biċċa.
(żieda: qed inżid kumment li għamilt fuq facebook bħala parti minn diskussjoni għaddejja fuq dan il-blogpost)
Il-problema hi kbira għax ma ġietx indirizzata għal snin twal.
Kien hemm żmien meta setgħet tissolva bi ftit ħsara. Issa, naħseb li tkun xi tkun is-soluzzjoni, l-ħsara hi enormi. Dan jgħodd ukoll f’kaz li ma jsir xejn, f’liema każ il-ħsara hi ikbar.
Dawn tiegħi huma riflessjonijiet minn barra. Minn barra ma nippretendix li nista’ nidentifika l-aħjar soluzzjoni imma biss li niġbed l-attenzjoni li din is-soluzzjoni tista’ tkun identifikata biss bħala riżultat ta’ analiżi serja.
L-eserċizzju m’għandux ikun dwar min għandu t-tort jew ir-raġun iżda dwar soluzzjonijiet prattiċi.
Hu ovvju li kull min qed jitkellem għandu l-preġudizzji tiegħu jew tagħha. Imma hu importanti li fid-diskussjoni li qed tiżviluppa jonqos (preferibilment jieqaf) il-kliem ta’ disprezz u insult għax jekk dan ser jibqa’ jikkarga mhux diffiċli ħafna biex tifhem x’ser ikunu l-konklużjonijiet.
Għalkemm jiena llum qiegħed immexxi partit politiku ieħor huwa fatt li l-parti l-kbira tal-ħidma politika tiegħi għamiltha fil-PN, li kien sostanzjalment differenti mill-PN tal-lum. Jiena konxju li t-tluq tiegħi mill-PN ftit iktar minn ħdax-il sena ilu kienet r-reazzjoni tiegħi għall-fażi inizzjali ta’ din is-saga. Dakinnhar jiena għamilt ġudizzju li l-affarijiet probabbilment imorru għall-agħar. Sfortunatament hekk ġara.