George Pullicino: Ministeru li mexa fuq ir-rubini

George Pullicino + dog

 

George Pullicino għamel sewwa li talab lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jinvestiga dak li qal dwaru Konrad Mizzi. Hekk sewwa, għax Konrad m’għandu l-ebda dritt jitfa’ dell fuq ir-reputazzjoni ta’ George.

Għax ir-reputazzjoni ta’ George dejjem kienet ċara. Jekk qatt kien hemm xi dubju dwar dan Konrad qatt ma’ kellu dritt jindaħal. Hemm diversi li jistgħu jagħtu xhieda dwar x’reputazzjoni għandu (u kellu) George.

George għamel bħalma għamlu l-Ministri kollha Maltin, ta’ kull żmien. Dak li jiġi tajjeb jassigura ruħu li jieħu l-mertu tiegħu huwa imma dwar dak li jiġi mgħawweġ jagħti t-tweġiba standard: “mhux jien”.

Ovvjament li r-responsabbilta’ politika mhiex fid-dizzjunarju ta’ Pullicino għax kieku kien jagħraf iġorr il-piż politiku tad-deċiżjonijiet kollha li ittieħdu mill-Ministeru tiegħu. Kemm dawk li ħadhom direttament hu kif ukoll dawk li ħaduhom l-impjegati fid-diversi awtoritajiet u/jew dipartimenti li kien imexxi bħala Ministru.

Li tippriedka r-responsabbilta politika huwa tajjeb. Imma dwar kemm temmen dak li tkun qed tgħid inkunu nafu fis-siegħa tal-prova.

It-tricks li jilgħabu uħud fil-politika meta jitolbu lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jinvestiga l-egħmil tagħhom issa drajnihom. Il-problema mhiex ir-responsabbilta’ kriminali imma r-responsabbilta’ politika.

Il-Kummissarju tal-Pulizija mhux ser jagħti opinjoni dwar jekk it-tmexxija tal-Ministeru ta’ Pullicino kienet fuq ir-rubini. Dik l-opinjoni jistgħu jagħtuha dawk li ħadmu fil-viċin tiegħu. Fid-dell tal-arroganza.

George Pullicino u l-konfoffi

George Pullicino + Perm Sec

L-Onorevoli George Pullicino fil-Parlament din il-ġimgħa tkellem dwar l-estimi tal-Enemalta.

Qalilna li l-istorja tal-meters imbagħbsa hi konfoffa  ta’ Laburisti, kollha (jew kważi) qraba ta’ xulxin u li kellhom l-intenzjoni unika illi jagħmlu ħsara lill-Korporazzjoni Enemalta fi żmien l-amministrazzjoni ta’ Lawrence Gonzi.

Interessanti ħafna dan il-kumment tal-Onorevoli Pullicino.

Imma ngħid jien, dak iż-żmien ma kienx hemm regolatur? U dan ir-regolatur x’kien qed jagħmel biex ma ndunax b’dawn il-konfoffi?

Ir-regolatur li kien hemm (u għadu hemm sal-lum) hu l-MRA (Malta Resources Authority). Politikament responsabbli matul il-perjodu 2008-13 għal dan ir-regolatur “indipendenti” kien l-Onorevoli Pullicino.

Issa li Pullicino hu daqshekk ċert dwar x’ġara, ikun ħafna interessanti kieku xi ħadd jispjega kif dan ir-regolatur ma ndunax b’din il-konfoffa, imma Pullicino jidher li jaf!

Dmugħ tal-kukkudrilli f’ Ta’ Ħaġrat l-Imġarr

Ta' Hagrat development

 

L-argumenti dwar l-art viċin it-tempji Ta’ Ħaġrat l-Imġarr li fuqha ħareġ permess ta’ żvilupp huma kollha dmugħ tal-kukkudrilli.

Il-permess ta’ żvilupp ġie ikkonfermat f’dawn il-ġranet b’deċiżjoni mit-Tribunal ta’ Reviżjoni (l-appell) li ikkonferma li meta l-MEPA ħareġet il-permess imxiet mal-policies kurrenti.

Il-mistoqsija li irridu nistaqsu hi waħda sempliċi ħafna. Għaliex seta’ joħroġ dan il-permess ta’ żvilupp fuq art daqshekk viċin it-tempji Ta’ Ħaġrat?

It-tweġiba hi daqstant ieħor sempliċi: dan il-permess seta joħroġ għax l-art ġiet inkluża fil-konfini ta’ l-iżvilupp meta sar il-Pjan Lokali li japplika għall-Imġarr.

U dan il-Pjan Lokali meta sar? Meta ġie approvat, inkomplu nistaqsu? It-tweġiba hi: fl-4 t’Awwissu 2006.

Tafu min kien il-Ministru responsabbli għall-MEPA fl-4 t’Awwissu 2006? George Pullicino.

Huwa Pullicino u ħadd iżjed li għandu jwieġeb u jispjega għaliex l-art ġiet inkluża fil-konfini tal-iżvilupp. Dan il-permess ta’ żvilupp hu parti żgħira mill-kullana ta’ suċċessi tal-ex Onorevoli Ministru.

Tad-daħq ……. jew tal-biki?

George Pullicino 13

Qiegħed nisma’ lill-Onorevoli George Pullicino jitkellem fil-Parlament bħalissa (It-Tlieta 25 ta’ Frar 2014 ftit wara is-7 pm).

Qiegħed jistaqsi sensiela ta’ mistoqsijijiet lil Konrad Mizzi Ministru tal-Enerġija u l-Konservazzjoni tal-Ilma wara li dan għamel stqarrija Parlamentari dwar madwar 650 file dwar serq ta’ elettriku qabel Marzu 2013 li instabu msakkrin f’kamra bla ma ttieħdet azzjoni dwarhom.

Qiegħed jinsisti li kulħadd għandu jerfa’ r-responsabbiltajiet tiegħu fl-Enemalta u dan fil-kuntest ta’ diversi każijiet ta’ serq tal-elettriku.

Sewwa qiegħed jgħid l-Onorevoli Pullicino.

Imma meta niftakar kif kienet taħdem il-MEPA fiż-żmien li jiena kont fl-Uffiċċju tal-Uffiċjal tal-Verifika (Audit Officer) nitbissem. Anzi kważi ninfaqa’ nidħaq.

Ma niftakarx li qatt smajt lill-Onorevoli Pullicino jitkellem b’dan il-mod dwar il-MEPA meta kien il-Ministru responsabbli għall-MEPA. Kieku, forsi l-affarijiet kienu jkunu ħafna aħjar fil-MEPA.

Il-MEPA u l-froġa tal-Mistra Village

froga

Il-Kummissarju tal-Ambjent u l-Ippjanar David Pace f’rapport li ġie ippubblikat il-bierah it-Tnejn 2 ta’ Diċembru 2013 fi ftit kliem jgħid li l-permessi għall-iżvilupp mill-ġdid tal-Mistra Village huma froġa oħra tal-MEPA. Dan jagħmlu wara li mexxa investigazzjoni fuq talba ta’ Din l-Art Ħelwa.

Il-frejjeġ fil-MEPA li kienu jsiru taħt Lawrence Gonzi, George Pullicino u Mario Demarco għadhom qed isiru taħt Joseph Muscat u Michael Farrugia.

Hu ġustifikat, jgħidilna l-Kummissarju tal-Ambjent u l-Ippjanar, li l-permessi għall-iżvilupp tal-Mistra Village jkunu irtirati.

Ir-rapport li tistgħu taqrawh fuq is-sit elettroniku ta’ Din l-Art Ħelwa jagħti raġunijiet dettaljati biex jispjega għaliex il-Kummissarju David Pace wasal għal din il-konklużjoni. Ir-rapport jispjega xi tħalla barra fil-konsiderazzjonijiet li għamel id-Direttorat tal-Ippjanar u jgħid li l-Bord tal-MEPA kien iggwidat ħażin mill-Major Projects Unit tal-istess MEPA. Il-Bord tal-MEPA ngħata informazzjoni nieqsa u informazzjoni żbaljata.

F’pajjiż ċivilizzat il-Bord tal-MEPA kien jirreżenja en bloc wara deċiżjoni bħal din.

Darba waħda hekk kien sar meta l-Perit Joseph Falzon kien ħareġ rapport dwar il-permess abbużiv tal-LIDL ta’ Ħal-Safi fuq talba għal investigazzjoni li dakinnhar kienet saret minn Alternattiva Demokratika . Dakinnhar 6 minn 7 membri tal-Kummissjoni għall-Kontroll ta’ l-Iżvilupp li approvat il-permess kienu irriżenjaw lejlet l-elezzjoni ġenerali tal-2008.

Ma nafx kemm il-wieħed jew waħda mill-membri tal-Bord tal-MEPA għandhom il-kuraġġ li jammettu li għamlu żball u li għandhom iħallsu tiegħu billi jirreżenjaw.

Nistennew u naraw.

Politika ġdida ……………….. valuri ġodda

euros-loads-of-money

Il-politika ġdida ta’ Joseph Muscat qed toħroġ għad-dawl tax-xemx valuri ġodda.

L-aħħar valur ġdid jirrigwarda ċ-ċittadinanza Maltija. Iċ-ċittadinanza Maltija f’din il-politika ġdida m’għadhiex tissimbolizza l-identita’ nazzjonali. Dak għal Muscat hu valur pri-storiku [tal-Flintsones!] Il-valur issa jrid ikun f’kontanti. Mhux inqas minn €650,000.

L-armata m’għadhiex iktar tal-operetti, kif kien jgħid in-nannu. Issa saret tal-highjumps. Tlett promozzjonijiet fi żmien tlett ġimgħat mhux ċajta.

Joseph Muscat ma kienx jaf, qal, li Shiv Nair [konsulent Indjan b’ċittadinanza Inġliża] kien fuq il-blacklist tal-Bank Dinji! Għax ħadd ma qallu! Mur obsor. Hu minn meta dawn l-affarijiet jgħidulek bihom? Fittex u ssib.

La qegħdin fuq il-Bank Dinji tajjeb li nsemmu li fost il-valuri ġodda għandna ukoll dawk tal-Partit Nazzjonalista. Mario de Marco u George Pullicino qed jitkażaw b’ Shiv Nair. Donnhom insew li l-Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista [li tiegħu huma t-tnejn kienu Ministri] kellu kumpanija li kienet tagħtih il-pariri li kienet fuq il-blacklist tal-Bank Dinji minħabba korruzzjoni. Din il-kumpanija [Lahmeyer International] kienet tagħti l-pariri lill-Awtoritá tar-Riżorsi  li għaliha kien responsabbli politikament George Pullicno.

Fi Triq Durumblat

Sa ftit ilu fi Triq Durumblat bejn Ħ’Attard u l-Mosta, f’tarf Triq Santa Katarina, fl-area magħrufa bħala tal-Mirakli kellna dan:

Durumblat.0

Iżda issa, għandna dan:

durumblat.1

durumblat.2

durumblat.3 durumblat.4

Grazzi Lawrence Gonzi u George Pullicino.  Anke’ Joseph Muscat jaqbel ma dan għax għall-Labour l-industrija tal-kostruzzjoni hi pilastru importanti tal-ekonomija.

Bħal dak li qallu li 72,150 post residenzjali vojt mhux biżżejjed.

Il-poplu Malti jibqa’ għal dejjem rikonoxxenti!

Spekulazzjoni dwar Alternattiva Demokratika

 May 2011. divorce referendum result

Hi normali li fejn l-informazzjoni tkun ftit nieqsa l-media tispekula dwar x’jista’ jkun qiegħed jiġri. Dan tagħmlu biex twassal ritratt tas-sitwazzjoni kif tkun qed tarah hi dak il-ħin.

Hekk qed tagħmel parti mill-media dal-għodu dwar it-tmexxija ta’ Alternattiva Demokratika.

Fit-Torċa hemm artiklu interessanti ta’ Mark Camilleri intitolat Il-bidla u ċ-ċaqlieq ideoloġiku. Hu analiżi tas-sitwazzjoni attwali kif ukoll tal-mixja ta’ Alternattiva Demokratika tul dawn l-aħħar ħames snin. Ir-riflessjonijiet tiegħu huma validi u xejn ma jdejquni. Jistimulaw id-diskussjoni.

Hemm imbagħad artiklu fil-Malta Today intitolat Briguglio decapitates himself after internal criticism. Dan l-artiklu m’huwiex iffirmat. Jieħu spunti selettivi minn diskussjoni interna f’Alternattiva Demokratika u jibni storja fuq dan. L-inċens ma jonqosx. Jikkonkludi li d-deċiżjoni ta’ Michael Briguglio li jwarrab tidher mgħaġġla.

M’għandix dubju li l-awtur ta’ dan l-artiklu jifhem li partit politiku li fih m’hemmx diskussjoni ħajja (u jekk meħtieġ ukoll imqanqla) jkun partit mejjet. Id-dibattitu intern hu pre-rekwizit essenzjali għall-ħidma politika. Fortunatament f’Alternattiva Demokratika matul dawn il-ħames snin kien hemm diskussjoni ħajja u kontinwa.

Hemm imbagħad fil-Malta Today ukoll il-kumment ta’ Salvu Balzan fil-paġna tiegħu. Kumment dwari li donnu pprogrammat li jidher fil-Malta Today kull darba li jkun hemm il-kariga ta’ Chairman ta’ Alternattiva Demokratika battala. Għal darba oħra Salvu jibbottja li jekk jiena nieħu t-tmexxija ta’ Alternattiva Demokratika wara Michael Briguglio dan ikun diżastru madornali.

Hemm imbagħad kumment fil-paġna 7 tal-gazzetta l-Illum iffirmata mill-korrispondent li jiddeskrivi lilu innifsu bħala Il-poodle. Dawn l-osservazzjonijiet huma deskritti b’dan il-mod “Ġabra ta’ osservazzjonijiet bażati fuq il-veritajiet li qatt ma joħorġu għax hekk iridu”.

Mela Il-poodle jgħid ukoll li jiena irrid immexxi l-Ħodor. Jagħti ukoll ftit tal-kulur. Jgħid li fl-1996 meta kont għadni attiv fil-PN kont mort għand Austin Gatt flimkien ma George Pullicino u tlabtu (lill-Austin Gatt) biex jirreżenja.

Issa li kieku fl-1996 tlabt lil Austin Gatt biex jirreżenja ma kontx ser nistħi ngħid li għamilt hekk. Imma sfortunatament dan m’għamiltux.

Dwar it-tmexxija ta’ Alternattiva Demokratika naħseb li f’dan l-istadju ħadd għadu ma jaf xejn għax ħlief għal Michael Briguglio jidher li ħadd għadu ma ħa l-ebda deċiżjoni. Naħseb li jkun għaqli iżda li jkun hemm ħafna demm ġdid.

Fil-Parlament għada t-Tnejn: mera għal Lawrence Gonzi

mirror

Għada t-Tnejn 10 ta’ Diċembru 2012, Lawrence Gonzi, Prim Ministru, b’diskorsu, jġib fi tmiemu l-ewwel fażi tad-diskussjoni dwar il-budget ghall-2013. L-oratorija m’hiex ser tonqos imma s-sustanza wisq nibża’ li ser terġa’ tkun assenti.

Ser iwieġeb dak li qal il-Kap tal-Opposizzjoni, li l-anqas hu ma qal kull ma kien jeħtieġ li jingħad. Lawrence Gonzi ser jipprova jfissrilna kif inhu meħtieġ li l-inċertezza li hawn fil-pajjiż tinqata’ billi jkun approvat il-budget.

Lawrence Gonzi iwaħħal f’kulħadd talli l-inċertezza mhux biss nibtet imma firxet l-għeruq tagħha fil-fond. Jaħseb li hu biss m’għandu l-ebda ħtija. Kulħadd għandu l-obbligu li jerfa’ r-responsabbiltajiet tiegħu, jgħid. Imma dawk ta’ madwaru huma esklużi.

Din kienet leġislatura ħażina sa minn l-ewwel jum: għandha fuqha s-saħta tal-Mistra. Saħta li titfa d-dell fuq iż-żewġ naħat tal-Parlament.

Is-saħta tal-Mistra qegħda fuq Lawrence Gonzi għax fl-iskandlu tal-Mistra ipprova jgħatti l-iżbalji u ma kellux il-kuraġġ morali li jgħid li JPO kien żbaljat. Ipprova jpinġieh bħala vittma meta l-vittma vera kienet il-komunita’. Konmunita’ li suppost kellha istituzzjoni maħluqa apposta biex tiddefendiha – il-MEPA. Minflok  iżda din il-MEPA kienet kompliċi u għażlet li tiddefendi l-istupru tal-pajjiż.

Is-saħta tal-Mistra qegħda fuq Joseph Muscat ukoll.  Il-predeċessur tiegħu Alfred Sant kien iddeskriva lil JPO bħala morally and politically corrupt.  Imma Muscat ma ħass l-ebda skruplu biex jinqeda bih.

Hekk ġara fil-każ tal-barriera li Gonzi u RCC riedu li titħaffer quddiem il-Kon Katidral ta’ San Ġwann. Hekk ġara ukoll fuq il-mozzjoni biex il-Parlament iddikjara li m’għandux fiduċja f’RCC.

Id-dnub ma jorqodx u jidher li qed joqrob żmien il-kontijiet.

Il-konfront ta’ Gonzi ma Franco Debono hu żejjed għal partit li diġa qiegħed jegħreq. Kien hemm mument partikolari iżda li kien hemm possibilita’ li l-affarijiet ma jikkumplikawx ruħhom. Kienu ippreżentati quddiem il-Parlament żewġ mozzjonijiet.

L-ewwel mozzjoni kienet ippreżentata minn Franco Debono innifsu u kienet kritika tal-politika tal-Gvern ta’ Gonzi dwar il-Ġustizzja u l-Intern. Kritika qawwija u kienet tieqaf hemm.

It-tieni mozzjoni kienet ippreżentata minn Jose’ Herrera u Michael Falzon: barra li kienet tikkritika l-politika tal-Gvern dwar il-Ġustizzja u l-Intern kienet tipproponi ukoll vot ta’ ċensura fil-Ministru Carm Mifsud Bonnici.

Gonzi għażel li jpoġġi fuq l-agenda tal-Parlament il-mozzjoni tal-Opposizzjoni u ħalla fuq l-ixkaffa l-mozzjoni ta’ Franco Debono. Jiġifieri għamel għażla favur mozzjoni b’konsegwenzi negattivi u warrab mozzjoni li kienet tikkritikah u tieqaf hemm.

Nafu fejn wasslet din l-għażla. B’għażla ta’ Gonzi l-Parlament spiċċa sfiduċja lil Mifusd Bonnici. Deċiżjoni li Gonzi seta’ jevita imma ma riedx. Għaliex għamel hekk hu jaf.

Meta Gonzi jħares fil-mera ma jara l-ebda sinifikat fil-każ ta’ korruzzjoni ta’ Noel Borg Hedley (ex-Segretarju Privat tal-Ministru Tonio Fenech) li fil-Qorti ammetta akkużi ta’ korruzzjoni mill-iżviluppaturi JPM Brothers.

Il-fjask tal-Arriva bir-responsabbilta’ politika dwaru li kellu jinġarr minn Austin Gatt l-anqas ma kellu sinifikat għal Gonzi meta jħares fil-mera.

Issa  ħarġet oħra. Fir-rapport tal-Awditur Nazzjonali l-inkompetenza fl-amministrazzjoni finanzjarja tal-kumpanija tal-Gvern Wasteserve hi imfissra fid-dettall. L-iktar li jispikka hu dak il-kuntratt ta’ miljun euro li spiċċa jissarraf f’kuntratt ta’ disgħa u għoxrin miljun euro. Qiesu ma ġara xejn. Is-sejħa biex George Pullicino jerfa’ r-responsabbilta’ politika u jwarrab ma tfisser xejn.

Quddiem dan kollu it-talba ta’ Gonzi biex il-budget ikun approvat tistona. Għax il-vot fuq il-budget mhux biss vot favur budget rigressiv imma hu ukoll vot favur Gvern li hu moralment zopp. Gvern li jrid lil kulħadd jimxi sewwa imma hu mhux kapaċi jagħti l-eżempju. Għax repetutament irrifjuta li jerfa’ r-responsabbilta politika ta’ għemilu.

X’ser jiġri għada jiena ma nafx. Naf iżda ħaga waħda: li l-Gvern wasal sa hawn għax Lawrence Gonzi ma kienx kapaċi japplika għalih il-kejl li bih hu jkejjel lil ħaddieħor.

Il-Partit Nazzjonalista ġustament qed jitlob li l-Imħallef Lino Farrugia Sacco jirreżenja. Jekk il-PN japplika l-istess kejl għall-Kabinett ta’ Lawrence Gonzi m’għandix dubju li jinbidlu l-Ministri kollha, Gonzi innifsu inkluż!

Dom u Daphne : l-ewwel miraklu ?

Kellu jkun Dom Mintoff u l-art li nnegozjaw uliedu Yana u Anne biex Daphne tikteb artiklu imqanqal dwar l-ambjent. Dwar art li kellha tibqa’ barra iż-żona ta’ żvilupp imma daħħluha.  Mhux soltu li qalba taħraqha għall-ambjent! Miraklu?

Talbet inkjesta għax hu skandlu kif art li sal-1989 kienet barra miż-żona ta’ żvilupp, mill-1989 il-quddiem setgħet  tinbena. Il-pjanta l-ġdida ta’ kif setgħet tinbena l-art fiha bħal ħotba, qiesha riedu jdaħħlu biss l-art tal-familja tal-Perit.

Naqbel 100% magħha li dik l-art qatt ma messha ġiet permessa li tkun żviluppata. Imma jiena u Daphne motivati minn raġunijiet differenti.

Il-motiv ta’ Daphne hu Mintoff: għaliha dak li għandu x’jaqsam miegħu Mintoff hu kollu ħażin.

Il-motiv tiegħi hu ambjentali: jiena motivat  mill-fatt li m’għandniex bżonn bini ta’ iktar residenzi għax għandna iktar minn biżżejjed. Bħalissa għandna il-fuq minn 70,000 post residenjali vojt u żgur li m’għandniex bżonn iktar.

L-art b’faċċata fuq Triq iż-Żejtun Marsaxlokk daħlet fl-ischeme tal-bini fl-1989. Dakinnhar  iddaħħlu fl-ischeme tal-bini kwantitajiet kbar ta’ artijiet imxerrda ma Malta kollha. Uħud kien jagħmel sens li jidħlu. Oħrajn le. Irrispettivament ta’ min huma. Mhux ta’ ulied il-Perit Mintoff biss. Ta’ l-oħrajn ukoll.

Għalhekk mhux skandlu. Iżda skandli. Plural mhux singular. Jiena u Alternattiva Demokratika interessati fil-plural, mhux fis-singular. Imma Daphne hi interessata biss u esklussivament fuq il-każ ta’ Marsaxlokk. Hekk jidher ta’ l-inqas.

Dawn l-iskandli ma sarux biss fuq art f’Marsaxlokk. L-anqas ma saru biss fl-1989. Saru ukoll taħt id-direzzjoni ta’ George Pullicino fl-2006 b’dak il-proċess magħruf bħala “rationalisation”. Bħala riżultat ta’ dan il-proċess kompliet tiżdied l-art li tista’ tinbena madwar Malta kollha.

Anke dwar dan saret spekulazzjoni.   Anke hawn kien hawn pluralita’ ta’ skandli. Imma dakinhar il-miraklu kien għadu ma sarx. Alternattiva Demokratika u l-għaqdiet ambjentali biss fetħu ħalqhom!

Ħaddiehor żamm għajnejh magħluqa, meta messhom huma miftuħin beraħ il-ħin kollu. It-tnejn li huma.

Imma l-miraklu ta’ kuxjenza ambjentali ta’ Daphne għalissa jidher li hu limitata għal Triq iż-Żejtun Marsaxlokk.

Progress? Ma nafx!